Azzopardi skomdu jwieġeb… jippreferi jitkellem hu l-ewwel – One News

Notifiki

Azzopardi skomdu jwieġeb… jippreferi jitkellem hu l-ewwel

Fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi dwar il-każ tat-trasferiment tal-art fil-Fekruna ftit jiem qabel l-elezzjoni tal-2013, id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi kien mistenni jixhed quddiem dan il-kumitat. Dan wara diversi dikjarazzjonijiet min xhieda preċedenti li Azzopardi nnifsu kien ordna li jsir it-trasferiment sigħat qabel ma l-Partit Nazzjonalista tilef l-elezzjoni ġenerali.

Iżda Jason Azzopardi daħal quddiem il-Kumitat bi stqarrija biex jaqraha u insista li ma riedx jixhed jekk ma jitkellimx hu l-ewwel. Deher ċar li Azzopardi ma xtaqx iwieġeb domandi qabel jitkellem hu.

Id-deputat Robert Abela rrimarka li l-linji gwida jgħidu li l-istqarrija kellha tkun ippreżentata u tinqara mill-membri li ltaqgħu biex jistaqsu l-mistoqsijiet lix-xhud.

Iżda, iċ-ċermen tal-kumitat, Beppe Fenech Adami, abbuża mill-pożizzjoni tiegħu ta’ ċermen u insista li Azzopardi kellu jaqra l-istqarrija.

Minn dak li beda jintqal fil-kumitat, l-istqarrija ta’ Azzopardi kienet waħda twila li kienet tieħu ħafna mill-ħin tal-kumitat. Id-diskussjoni daret fuq din il-kwistjoni u l-membri tal-gvern bdew jitolbu biex il-kumitat jimxi mal-proċedura stabbilita, filwaqt li Fenech Adami beda jirreferi għal x’ġara ma xhieda oħra – meta l-Parlament kien għadu jiltaqa’ fil-bini l-antik.

F’battibekk li dam għal diversi minuti jispikka s-skiet tad-deputat tal-Oppożizzjoni Kristy Debono, filwaqt li Fenech Adami u Chris Said ħarġu għonqhom kemm felħu għal Jason Azzopardi, b’Said jirrikorri għal kummenti assurdi fil-konfront tal-membri tal-Gvern, biex jaġevola lil Azzopardi.

Eventwalment, f’nuqqas ta’ qbil, intalab ruling u l-kumitat aġġorna.

Ta’ QabelLi Jmiss