ARA: Godfrey Leone Ganado jerġa' jiftaħ il-kanuni fuq it-tfal tal-PM | One News

Notifiki

ARA: Godfrey Leone Ganado jerġa’ jiftaħ il-kanuni fuq it-tfal tal-PM

L-artikolist tal-Partit Nazzjonalista Godfrey Leone Ganado uża l-istazzjon tar-radju tal-Knisja biex reġa għajjar lit-tfal tal-Prim Ministru talli esprimew l-inkwiet li għaddew minnu tul l-allegazzjonijiet tal-Egrant, li mbagħad irriżultaw li ma kienu xejn ħlief gidba mibnija fuq dokumenti ffalsifikati.

Fil-programm Xarabank fil-jiem ta’ qabel il-Milied it-tfal tal-Prim Ministru ġew mistoqsija fuq kif għexu dak iż-żmien meta kienu jbeżżawhom li ommhom u missierhom kellhom jispiċċaw il-ħabs.

Dan id-diskors ma kien għoġob xejn lil Leone Ganado, tant li fil-11:30 ta’ filgħaxija f’Jum il-Milied, kiteb messaġġ lit-tfal tal-Prim Ministru, li rrefera għalihom bħala prinċipessi, u qallhom li missierhom seta jispjegalhom aħjar għax kien ħaqqu l-ħabs. Kien propju dwar dan il-messaġġ li s-Sibt li għadda, Dun Joe Borg, fuq l-RTK, staqsa lil Leone Ganado.

Skont Leone Ganado, il-Prim Ministru u martu Michelle kienu irresponsabbli li ħallew lit-tfal jitkellmu fuq l-Egrant. Kien f’dan il-ħin li għajjar lil waħda mit-tfal: ŻATAT. Għal dan id-diskors irreaġixxa l-preżentatur tal-programm Xarabank, Peppi Azzopardi.

Iżda Leone Ganado insista li kellu jaghti parir lit-tifla tal-Prim Ministru.

Minn naħa tiegħu Azzopardi, filwaqt li kkonferma li t-tfal tal-Prim Ministru ma kinux jafu x’se jsaqsihom fil-programm Xarabank u għalhekk ir-reazzjoni tagħhom kienet għal kollox spontanja, qal li kien żball kbir li l-Partit Nazzjonalista kien pinġa lil Joseph u Michelle Muscat daqs li kieku kellhom jintbagħtu l-ħabs.

Din ma kinitx l-ewwel darba li Godfrey Leone Ganado hareg jghajjar bl-iktar mod personali u baxx. Filwaqt li spiss jirreferi ghal-laburisti bħala ħamalli, huwa l-istess persuna li din il-ġimgħa fil-Qorti qal illi meta għajjar lid-deputat Rosianne Cutajar bħala qaħba, kien qed jagħmel biss kumment ġust.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend