Każ ieħor ta' meninġite- m'għandu ebda rabta mal-każ tat-tifel li miet il-Ħadd | One News

Notifiki

Każ ieħor ta’ meninġite- m’għandu ebda rabta mal-każ tat-tifel li miet il-Ħadd

Ġie rrappurtat każ ieħor ta’ meninġite iżda li m’għandu l-ebda rabta mal-każ tat-tifel t’erba’ snin li sfortunatament miet. Fi stqarrija mill-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministeru għas-Saħħa ntqal li tarbija tat-twelid iddaħħlet l-isptar Mater Dei bil-marda tal-meninġite.

L-istqarrija tal-Gvern aċċennat li ż-żewġ każijiet tal-meninġite huma separati u ma ttieħdux minn xulxin fl-isptar hekk kif it-tip ta’ batterja taż-żewġ każijiet hija differenti. Il-batterja li laqtet lit-tarbija hu mifhum li tolqot lit-tfal fl-ewwle tliet xhur ta’ ħajjithom. Din l-infezzjoni tiġi kkurata permezz ta’ anti-bijotiċi hekk kif ma jeżisti l-ebda vaċċin għal din it-tip ta’ batterja.

L-istqarrija tal-Gvern qalet li l-aħjar mod kif tevita t-tixrid tal-infezzjonijiet hija bl-użu tal-aħjar iġjene speċjalment mat-trabi li huma aktar vulnerabbli għal dawn it-tip t’infezzjonijiet. F’Malta l-medja ta’ każijiet ta’ meninġite fost it-trabi hija ta’ erba’ każijiet fis-sena.

Intant it-tifel ta’ erba’ snin li tilef ħajtu traġikament il-Ħadd li għadda minħabba l-marda tal-meninġite kien ħa l-vaċċini kollha meħtieġa. L-Awtoritajiet tas-Saħħa qalu li għalkemm dawn il-vaċċini jipproteġu l-bniedem minn ċertu mard, ma jipprevenux kull każ.

Fil-fatt, studju juri li l-vaċċin huwa sebgħin fil-mija effettiv fil-prevenzjoni ta’ dan it-tip ta’ mard. B’kollox hemm 90 tip ta’ batterji li jikkawża mard ta’ dan it-tip. Wieħed mill-vaċċini disponibbli jipproteġi l bniedem kontra 13-il tip, filwaqt li l-ieħor jipproteġi kontra għaxar tipi oħra.

Li wieħed jitlaqqam huwa l-aħjar mod biex ikun żguart li ttieħdu l-miżuri possibbli ta’ prevenzjoni.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend