Tifel tal-iskola jmut bil-meninġite- ebda periklu li tista’ tittieħed – One News

Notifiki

Tifel tal-iskola jmut bil-meninġite- ebda periklu li tista’ tittieħed

Tifel ta’ 4 snin tilef ħajtu wara li ntlaqat mill-mikrobu tal-meninġite. Aħbar li ħasbet lil bosta, inkluż ġenituri li beżgħu li wliedhom setgħu jieħdu din il-marda li tista’ twassal għall-mewt.

Il-ġenituri ħadu lit-tifel l-isptar Mater Dei wara li beda juri sintomi ta’ din il-marda ftit tal-jiem ilu. Madankollu huwa miet fit-Taqsima tal-Kura Intensiva matul il-jum tal-Ħadd.

Dr Tanya Melillo, Kap tat-Taqsima dwar il-Prevenzjoni ta’ Mard Infettiv fi ħdan is-Saħħa Pubblika, spjegat li ma hemmx lok għal allarm, hekk kif spjegat x’seħħ fil-każ taċ-ċkejken.

Spjegat li sfurtunatament xi drabi dawn il-mikrobi jkunu qawwija tant, li l-antibijotiċi ma jkunux biżżejjed biex iwaqqfu l-batterju.

Fil-fatt, spjegatilna li fl-aħħar tliet snin f’pajjiżna ġew irreġistrati 31 każ ta’ meningite. Fi tlettax-il każ minn dawn, il-batterju kien tal-istess tip li laqat lil dan it-tifel. U fl-unika żewġ imwiet li ġew irreġistrati f’każi ta’ meninġite fl-aħħar tliet snin, il-batterju tal-meninġite kien differenti mit-tip li laqat lil dan it-tifel. Dr Melillo spjegat illi anke li kieku dan il-mikrobu għadda fuq xi ħadd ieħor, xorta waħda mhuwiex ta’ inkwiet, għax fil-parti l-kbira ma jagħmilx ħsara.

Dr Melillo qal li l-awtoritajiet tas-saħħa ħadu passi mill-ewwel. Spjegat li dwar il-każ, tkellmet direttament mal-ġenituri tat-tfal l-oħra fil-klassi mat-tifel li ġie effettwat, kif ukoll mal-għalliema, biex ikellmu lit-tabib tagħhom f’każ li jaraw xi sintomi fuq uliedhom.

Mistoqsija x’jista’ jsir biex persuna tevita dawn il-każi, Dr Melillo ħeġġet lill-ġenituri biex jagħtu lil uliedhom tliet vaċċini kontra l-meninġite. Qalet li dawn huma siguri, u jgħinuna kontra numru ta’ tipi ta’ batterji tal-meninġite.

Fuq kollox, tenniet li ma hemmx lok ta’ allarm. Fil-fatt spjegat li każi ta’ mewt kawża ta’ meninġite sfrutunatament jiġru mad-dinja kollha. U waqt li l-imxija tal-influwenza tinsab fl-aqwa tagħha, hija appellat biex naħslu idejna b’mod regolari, it-tissues użati narmuhom minnufih, u nieħdu ħsieb saħħitna b’ikel tajjeb, eżerċiżżju, mistrieħ, u tnaqqis fl-istress, biex is-sistema immunitarja tagħna nsaħħuha biex tkun tiflaħ tiġġieled il-mard.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend