Raġel jinżamm arrestat wara li nqabad b’2kg kokaina – One News

Notifiki

Raġel jinżamm arrestat wara li nqabad b’2kg kokaina

Brażiljan ta’ 39 sena inżamm arrestat wara li fil-Qorti wieġeb mhux ħati li mporta żewġ kilogrammi droga kokaina.
Il-Brażiljan twaqqaf fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta il-Ħadd wara nofsinhar għall-ħabta tas-14:15, meta kien għadu kemm wasal f’pajjiżna abbord titjira minn Larnaca.

Huwa ġie nnotat jaġixxi b’mod suspettuż dan hekk kif kien qed iħossu aġitat waqt li kien qiegħed jistenna wara persuna oħra għall-kontrolli tal-passaporti.

Ir-raġel twaqqaf mill-Uffiċjali tas-Sigurtà tal-ajruport fejn saret tfixxija fuqu. Jirriżulta li fuq persuntu nstabu erba’ pakketti droga kokaina.

Din is-sustanza instabet f’saqajn l-imputat li kellu tape kannella oħxon jorbot iż-żewġ pakketti li nstabu fuq kull sieq. Fil-qorti l-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih fosthom ta’ pussess aggravat tad-droga u importazzjoni tal-istess sustanza.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Ian Farrugia ċaħad it-talba għal-libertà proviżorja u ordna sabiex ir-raġel jinżamm fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin.

L-investigazzjoni qed titmexxa mill-pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend