Malta fuq quddiem fl-għajnuna li tingħata lil persuni vulnerabbli – One News

Notifiki

Malta fuq quddiem fl-għajnuna li tingħata lil persuni vulnerabbli

20,000 familja fosthom fosthom anzjani u persuni b’diżabilita’ qegħdin jibbenefikaw minn skema ta’ għajnuna b’investiment ta’ tmint mitt elf ewro fit-tqassim ta’ ikel bnin u sustanzjuż.

Id-direttur tas-Servizzi Korporattivi Stephen Vella fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi Soċjali spjega kif permezz tal-iskema mħallsa minn Fondi Nazzjonali, il-Gvern jagħti l-għajnuna meħtieġa lill-familji bil-għan li jkunu jistgħu jkampaw mal-ħajja u fl-istess waqt jiġu mgħejjuna sabiex joħorġu miċ-ċirku tal-faqar.

Is-Sur Vella spjega kif din l-għajnuna tilħaq lil dawn in-nies ħames darbiet fis-sena billi jingħataw din il-kaxxa bi prodotti tal-ikel sustanzjużi.  Sabiex wieħed jibbenefika minn din l-għajnuna, l-individwu jew il-familji jrid ikollhom dħul baxx.

Apparti l-iskema nazzjonali, Malta tifforma parti mill-FEAD, jiġifieri network ta’ pajjiżi ewropej li jaħdmu id f’idi biex jiġu implimentati miżuri biex jgħinu lil dawk il-persuni l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.

Is-Sur Vella spjega li f’din in-network Malta tinsab fuq quddiem f’dak li għandu x’jaqsam ma’ għajnuna lil dawk l-aktar vulnerabbli.

Apparti t-tqassim tal-ikel, dawn il-familji jiġu riferuti għal diversi servizzi oħra, fosthom mal-Jobs Plus.  Dan isir bil-għan sabiex kemm jista’ jkun dawn l-individwi jkunu integrati fid-dinja tax-xogħol u fl-istess waqt ikunu jistgħu jgħixu kwalita’ ta’ ħajja aħjar.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend