Jitlesta x-xogħol fuq Triq Wied l-Infern fiż-Żebbuġ Għawdex – One News

Notifiki

Jitlesta x-xogħol fuq Triq Wied l-Infern fiż-Żebbuġ Għawdex

Tlesta x-xogħol  fi Triq il-Wied l-Infern, waħda minn 16-il triq rurali f’Għawdex li ttejbu għall-benefiċċju tal-qasam agrikolu u l-komunitajiet Rurali.

F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Sindku taż-Żebbuġ Nicky Saliba faħħar ix-xogħol li sar biex jittejbu t-toroq rurali.

“Dawn huma żewġ toroq oħra li ingħataw wiċċ ġdid bil-konkos għal madwar kilometru u nofs. Ħadna madwar €315,000, u ta’ dan nixtieq nirringrazzja lis-Segretarjat Parlamentari għall-mod ta’ kif kien ta’ għajnuna lir-residenti tagħna”.

Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri qal li l-Gvern ħaseb biex isiru mal-61 triq rurali oħra f’Malta u Għawdex bħala parti miż-żewġ miżuri biex jinbnew it-toroq rurali u biex jiġu rranġati l-ħitan tas-sejjieħ.

Dawn l-istess fondi kienu ta’ għajnuna wkoll għal Kunsilli Lokali oħra f’Għawdex, fosthom Ta’ Sannat, in-Nadur, ix-Xagħra, Kerċem, l-Għarb u ż-Żebbuġ.

Ingħad li aktar minn elf bidwi qed jibbenefika minn dan it-titjib fl-aċċess ta’ toroq rurali bħal ma hi Triq Wied l-Infern. Qal li huwa l-impenn tal-Gvern li jkompli jtejjeb il-kundizzjonijiet, l-infrastruttura u l-opportunitajiet li għandhom il-bdiewa li jwettqu l-attività tagħhom b’mod li jilħaq l-aspirazzjonijiet u x-xewqat tagħhom, kif ukoll il-miri tal-Politika Agrikola Komuni.

“Dawn saru  permezz ta’ fondi Ewropej allokati apposta għall-biedja, u permezz ta’ din l-infrastruttura ġdida se nagħtu aċċess aħjar lill-bdiewa ta’ dawn l-inħawi. U għalhekk flimkien ma’ fondi oħrajn li jkunu allokati għall-bdiewa f’pajjiżna, qegħdin ngħinu bis-sħiħ lill-biedja f’pajjiżna anke permezz ta’ fondi Ewropej”.

Il-Perit Camilleri saħaq li l-Gvern se jkompli jagħti spinta ‘l quddiem biex jimplimenta infrastruttura xierqa għall-bdiewa u r-raħħala Maltin u Għawdxin.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend