“Din hija traġedja, imma m’hemmx lok ta’ allarm” – tabiba dwar il-każ ta’ mewt ta’ tifel bil-meninġite – One News

Notifiki

“Din hija traġedja, imma m’hemmx lok ta’ allarm” – tabiba dwar il-każ ta’ mewt ta’ tifel bil-meninġite

Tifel ta’ 4 snin tilef ħajtu wara li ntlaqat mill-mikrobu tal-meninġite. Aħbar li ħasbet lil bosta, inkluż ġenituri li beżgħu li wliedhom setgħu jieħdu din il-marda li tista’ twassal għall-mewt. Il-ġenituri ħadu lit-tifel l-isptar Mater Dei wara li beda juri sintomi ta’ din il-marda ftit tal-jiem ilu. Madankollu huwa miet fit-Taqsima tal-Kura Intensiva matul il-jum tal-Ħadd.

Dr Tanya Melillo, Kap tat-Taqsima dwar il-Prevenzjoni ta’ Mard Infettiv fi ħdan is-Saħħa Pubblika, spjegat li ma hemmx lok għal allarm, hekk kif spjegat x’seħħ fil-każ taċ-ċkejken:

“It-tifel jiġifieri kien attakkat minn bacteria ngħidulu Strep Pneumonia – Pneumococcal. Iġifieri hija tip ta’ bacteria li ħafna nies, tfal speċjalment, ikollom dat-tip ta’ mikrobu fuq wara ta’ griżmejhom. Jgħix hemm kuntent ma jagħmilx ħsara lil ħadd. Imma xi drabi dal-mikrobu jitlalu nistgħu ngħidu, u jattakka l-ġisem tal-persuna. U din kienet il-każ ta’ dan it-tifel.”

Spjegat li sfurtunatament xi drabi dawn il-mikrobi jkunu qawwija tant, li l-antibijotiċi ma jkunux biżżejjed biex iwaqqfu l-batterju.

“Ġieli jkun hemm nies attakkati minn dan il-mikrobu u jgħaddilhom, imma darba fil ikollna każ li tant ikun aggressiv, li jirbaħ hu il-battalja.”

Fil-fatt, spjegatilna li fl-aħħar tliet snin f’pajjiżna ġew irreġistrati 31 każ ta’ meningite. Fi tlettax-il każ minn dawn, il-batterju kien tal-istess tip li laqat lil dan it-tifel. U fl-unika żewġ imwiet li ġew irreġistrati f’każi ta’ meninġite fl-aħħar tliet snin, il-batterju tal-meninġite kien differenti mit-tip li laqat lil dan it-tifel.

 Dr Melillo spjegat illi anke li kieku dan il-mikrobu għadda fuq xi ħadd ieħor, xorta waħda mhuwiex ta’ inkwiet, għax fil-parti l-kbira ma jagħmilx ħsara.

“Iġifieri dawn it-tip ta’ bacteria jgħixu ġo fina, normali u ma jdejqu lil ħadd. Imma darba fil lil xi ħadd, jinbidlu l-forma tagħhom, isiru aggressivi, u jattakkaw il-persuna. Imma dat-tip ta’ meninġite qatt ma kellna f’setting – familja, post tax-xogħol, skola. Li meta kellna każ, qatt ma kellna każ ieħor.”

Dr Melillo qalet li l-awtoritajiet tas-saħħa ħadu passi mill-ewwel. Spjegat li dwar il-każ, tkellmet direttament mal-ġenituri tat-tfal l-oħra fil-klassi mat-tifel li ġie effettwat, kif ukoll mal-għalliema, biex ikellmu lit-tabib tagħhom f’każ li jaraw xi sintomi fuq uliedhom.

Mistoqsija x’jista’ jsir biex persuna tevita dawn il-każi, Dr Melillo ħeġġet lill-ġenituri biex jagħtu lil uliedhom tliet vaċċini kontra l-meninġite. Qalet li dawn huma siguri, u jgħinuna kontra numru ta’ tipi ta’ batterji tal-meninġite.Fuq kollox, tenniet li ma hemmx lok ta’ allarm.

“Ma nixtiqux li n-nies jallarmaw ruhhom, vera din hija traġedja, anke għalina bħala t-tobba, imma meta jkun xi ħadd żgħir iktar u iktar hija traġedja, imma din hija l-ħajja wkoll. Li xi drabi il-mikrobi sfortunatament jirbħu fuqna.”

Fil-fatt spjegat li każi ta’ mewt kawża ta’ meninġite sfrutunatament jiġru mad-dinja kollha. U waqt li l-imxija tal-influwenza tinsab fl-aqwa tagħha, hija appellat biex naħslu jdejna b’mod regolari, it-tissues użati narmuhom minnufih, u nieħdu ħsieb saħħitna b’ikel tajjeb, eżerċiżżju, mistrieħ, u tnaqqis fl-istress, biex is-sistema immunitarja tagħna nsaħħuha biex tkun tiflaħ tiġġieled il-mard.

Ara wkoll:

Tifel tal-iskola jmut bil-meninġite- ebda periklu li tista’ tittieħed

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend