Kif spiċċaw il-bużullotti! – One News

Notifiki

Kif spiċċaw il-bużullotti!

Din il-ġimgħa l-operatur tat-trasport pubbliku ħabbar il-figura ta’ kemm nies użaw it-trasport pubbliku fis-sena li għada kif għaddiet. 53.4 miljun passiġġier għażlu li jużaw dan il-mezz tat-trasport. Dan ifisser li qed naraw żieda ta’ 11.3% fl-użu mis-sena 2017 għas-sena 2018; żieda li tfisser aktar minn 5 miljun passiġġier minn sena għal oħra. Is-sena 2018 tfisser ukoll żieda ta’ 61.3% fl-użu tat-trasport pubbliku meta mqabbla mas-sena 2011.Is-sena li f’pajjiżna kulħadd kien qed jitkellem fuq l-Arriva. Dak li kien il-proġett għat-trasport pubbliku ta’ Austin Gatt u Manuel Delia fi żmien meta kellhom jispiċċaw il-bużullotti. Bużullotti li baqgħu fl-aqwa tagħhom sakemm kien hemm il-bidla fil-gvern. Fil-fatt, riżultat pożittiv ieħor li ħareġ fl-2018 f’dan is-settur huwa l-fatt li 81% tal-passiġġieri użaw travel card minflok xtraw biljett meta kienu qegħdin jużaw it-trasport pubbliku, persentaġġ li jfisser li l-maġġoranza ta’ dawn il-passiġġieri kienu utenti regolari tas-servizz.

Illum it-trasport pubbliku mhux talli jinsab fuq sisien sodi, anke jekk mhux perfett, iżda dan il-Gvern mhux biss ħadem qatigħ biex itejjeb is-servizz imma fl-2017 nieda l-ewwel inizjattiva importanti bħala parti mill-pjan fit-tul tiegħu li joffri s-servizz tat-trasport pubbliku b’xejn. Inizjattiva li għada għaddejja sal-ġurnata tal-lum u li kompliet titwessa’ biex tinkludi oqsma oħra tal-poplu. Fil-fatt, din il-ġimgħa tħabbar il-bidu tal-iskema BUS20+ li se tkun qiegħda toffri l-benefiċċju ta’ trasport pubbliku b’xejn liż-żgħażagħ kollha minn 14 sa 20 sena u lill-istudenti full-time kollha minn 21 sena ’l fuq.

Dan tħabbar meta l-Ministru responsabbli mit-trasport Ian Borg, il-Ministru responsabbli mill-edukazzjoni Evarist Bartolo u s-Segretarju Parlamentari responsabbli miż-żgħażagħ Clifton Grima ltaqgħu ma’ grupp ta’ żgħażagħ li għandhom bejn 14 u 15-il sena u li se jibdew igawdu minn dan il-benefiċċju għall-ewwel darba. BUS20+ tnediet wara s-suċċess tal-iskemi ta’ qabilha, jiġifieri t-trasport pubbliku b’xejn li ġie offrut liż-żgħażagħ ta’ 18-il sena fl-2017 u l-estensjoni ta’ dan il-benefiċċju għaż-żgħażagħ kollha minn 16 sa 20 sena fl-2018, inizjattiva li mhux biss għenet lill-familji u liż-żgħażagħ ta’ pajjiżna, iżda li rreġistrat riżultati sbieħ anke fejn jidħol l-użu tas-servizz tat-trasport pubbliku.

Bl-iskema BUS20 biss fl2018, nafu li bbenefikaw 24,000 żagħżugħ u żagħżugħa wara li l-Gvern investa €2.2 miljun għal dan l-inċentiv. L-2019 tidher li se tkun sena b’aktar riżultati pożittivi fil-qasam tat-trasport pubbliku, hekk kif din id-darba għandna żieda fl-investiment bi €3.3 miljun f’fondi sabiex tibbenefika faxxa dejjem aktar wiesgħa mis-soċjetà.

F’kumment dwar dan, il-Ministru Ian Borg qal, “Fl-2018 kellna bosta riżultati sbieħ fejn jidħol it-trasport pubbliku u għalkemm dan il-Gvern huwa sodisfatt meta jara dawn il-qabżiet kbar minn snin ta’ qabel għal issa, xorta waħda nemmnu li għad fadlilna naħdmu u kommessi li nkomplu nimxu ’l quddiem favur aktar suċċessi u favur servizz li dejjem ikompli jitjieb. L-impenn aħħari tal-Gvern huwa wieħed – li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies. Dan ifisser benefiċċji finanzjarji bħalma hu t-trasport pubbliku b’xejn li se jħalli aktar flus fil-bwiet tażżgħażagħ, tal-familji u tal-istudenti.

Ifisser ukoll settur tat-trasport li dejjem qiegħed jitjieb u jissaħħaħ bl-inizjattivi li qegħdin jittieħdu, fosthom Wi-fi b’xejn fuq tal-linja u bus shelters aktar komdi u li jagħtu kenn, u fuq kollox infrastruttura adekwata li tiflaħ għall-mezzi varji li għandna fuq it-toroq filwaqt li tiffaċilita l-effiċjenza tal-istess servizz tat-trasport pubbliku.

“Il-viżjoni tagħna hija li naslu għal settur tat-trasport u l-infrastruttura li jilħaq kwalità li tixraq lill-poplu tagħna. Fl-istess waqt inħeġġeġ lill-pubbliku biex ikompli jagħmel użu minn dan is-servizz. Min-naħa tiegħi bħala Ministru responsabbli ser inkompli nippjana, nimplimenta u nwettaq.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend