Pjan biex jinbena breakwater ġdid f'Marsalforn | One News

Notifiki

Pjan biex jinbena breakwater ġdid f’Marsalforn

Bi breakwater ġdid u xogħlijiet ta’ tisbiħ mal-kosta, il-bajja ta’ Marsalforn se joffri esperjenza isbaħ u iktar pożittiva għar-residenti u dawk li jżuru din iż-żona.

Saħqet dan il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, li ddeskriviet il-proġett tal-break water bħala proġett kbir u ferm importanti li jifforma parti mill-masterplan ambizzjuż għal Marsalforn.

Il-Ministru Caruana qalet li minnħabba l-elementi, speċjalment riħ qawwi, għal dawn l-aħħar snin, inħass ferm il-bżonn għal dan il-proġett.

Il-Ministru spjegat kif tim ta’ esperti tekniċi evalwaw bir-reqqa kull studju li kien sar fil-passat, u żiedet tgħid li baqa’ ftit studji sabiex l-applikazzjoni tkun tistgħa tiġi preżentata lill-awtorità tal-ippjanar.

Caruana ħabbret ukoll li f’dawn l-aħħar jiem ġew ippublikati t-tenders għax-xogħlijiet mal-kosta tal-bajja ta’ Marsalforn. Xogħlijiet li bihom ser issir bidla mill-isbaħ f’din iż-żona.

Caruana qalet li dawn iż-żewġ proġetti massiċċi jiffurmaw parti minn kullana ta’ xogħlijiet oħra intiżi għal din iż-żona, inkluż il-bini mill-ġdid ta’ Triq Għajn Melel, il-bini ta’ Triq ix-Xwejni, u l-bini mill-ġdid tat-triq ewlenija li mill-Belt Victoria twaslek sa’ Marsalforn. Il-Ministru temmet tgħid li dawn iż-żewġ proġetti mhux biss se jgawdu minnhom l-Għawdxin kif ukoll il-Maltin, iżda wkoll l-eluf ta’ turisti li jżuru din il-gżira tat-tliet għoljiet.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend