Jinżamm arrestat wara li nqabad jisraq minn diversi karozzi madwar Malta – One News

Notifiki

Jinżamm arrestat wara li nqabad jisraq minn diversi karozzi madwar Malta

Christopher Borg ta’ 39 sena minn Ħ’Attard baqa’ jinżamm arrestat wara li ġie akkużatt li bejn il-21 ta’ Diċembru tas-sena l-oħra u s-17 ta’ Jannar ta’ din is-sena, wettaq diversi serqiet minn karozzi f’lokalitajiet differenti madwar Malta.

Borg ammetta l-akkużi miġjuba kontrih mill-Prosekuzzjoni, li tmexxiet mill-ispettur Roderick Agius. Fost dawn l-akkużi kien hemm diversi serqiet li wettaq minn vetturi differenti f’Ħal Qormi, f’Ħaż Żebbuġ, f’Ħ’Attard kif ukoll fis-Siġġiewi, fejn l-ammont ta’ dawn jammonta għal €116.47

L-avukat difensur Joseph Brincat qal li Borg għandu prospetti kif ukoll problemi, fosthom dik tad-droga. Żied jgħid li Borg lest li jibda l-programm iżda ma jixtieqax imur il-ħabs. Kompla, billi qal li Borg diġà esperjenza tliet snin ħabs, u li bniedem bħal dan ma nagħlmuhx billi nibgħatuh il-ħabs għax b’hekk ma jissolva xejn.

Min-naħħa tagħha, il-prosekuzzjoni qalet li hi konxja li Borg għandu bżonn jagħmel il-programm, iżda fakkret ukoll li l-akkużat ġa prova jagħmlu iżda ma rnexxilux.

Quddiem il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Monica Vella, l-akkużat wera x-xewqa li jibda l-programm fl-Oasi f’Għawdex.

Il-Maġistrat talbet għal pre-sentencing report fi żmien 15-il ġurnata u ddiferiet il-kawża għall-1 ta’ Frar.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend