Il-PM iħabbar li l-kumpanija Indjana Aurobindo se tkompli tinvesti u tespandi f’Malta – One News

Notifiki

Il-PM iħabbar li l-kumpanija Indjana Aurobindo se tkompli tinvesti u tespandi f’Malta

Kumpanija Indjana li taħdem fil-qasam tal-farmaċewtika u topera f’Malta se tinvesti tliet miljun ewro fuq riċerka fil-qasam tal-onkoloġija. Fl-aħħar sigħat tiegħu fi żjara li għamel fl-Indja l-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li l-kumpanija Aurobindo, li ilha ħmistax-il sena f’pajjiżna qed turi kif il-qasam tal-farmaċewtika f’pajjiżna għandu futur.

“Fost il-futur li għandhom, illum stess ħabbru l-Aurobindo, waħda mill-kumpaniji jekk mhux il-kumpanija Indjana ewlenija f’Malta fil-qasam tal-farmaċewtika li ħa jinvestu tliet miljuni oħra biex jillaunchjaw qasam ieħor tal-ittestjar ma’ dak li għandu x’jaqsam mal-kura għall-kanċer”.

 Waqt attività mtella’ għan-negozjanti Maltin u Indjani bħala parti mis-Summit Vibrant Gurajat fl-Indja, il-Prim Ministru saħaq fuq il-koperazzjoni li teżisti bejn Malta u l-Indja fil-qasam tal-farmaċewtika.

F’dan il-kuntest Dr. Muscat qal li Malta hija l-post ideali sabiex jiġi nfiltrat is-suq Ewropew.

“Malta diġà tospita kumpaniji Indjani li qegħdin jaħdmu fil-qasam tal-mediċini. L-Awtorità Maltija għall-Mediċini magħrufa sewwa fl-Indja għaliex kumpaniji Indjani jitolbuha biex tiġi teżaminhom ħalli imbagħad ikunu jistgħu jbiegħu l-prodotti ġewwa l-Unjoni Ewropea”.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat spjega li Malta hi favur li jkompli jiġi xprunat in-negozju u l-investiment.

“Mhux biss għandna nies b’ħiliet differenti u għandha qafas legali b’saħħtu iżda nagħtu attenzjoni speċjali lill-investitur”, saħaq il-Prim Ministru li miegħu kien hemm ukoll il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u n-Negozji ż-Żgħar Chris Cardona iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-intraprendituri Maltin u Indjani.

Dr. Muscat tenna l-messaġġ li Malta tista’ tkun ċentru ideali għall-kumpaniji Indjani li preżentament jaħdmu fir-Renju Unit u jistgħu jew jiġu rilokati f’Malta jew ko-lokati fid-dawl ta’ BREXIT. Fakkar ukoll li l-Gvern Malti se jibqa’ impenjat biex isostni l-ekonomija Maltija li qed tkompli tattira investiment minn swieq differenti. Hawnhekk il-Prim Ministru saħaq fuq l-importanza li l-ekonomija ta’ Malta tiġi diversifikata u b’hekk tikseb iżjed opportunitajiet.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend