Malta u Franza huma tal-istess ħsieb dwar il-problemi tal-immigrazzjoni fil-Libja – One News

Notifiki

Malta u Franza huma tal-istess ħsieb dwar il-problemi tal-immigrazzjoni fil-Libja

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Carmelo Abela kellu laqgħa bilaterali mal-ministru Franċiż għall-affarijiet Barranin, Jean-Yves Le Drian ftit mumenti qabel tibda l-laqgħa tal-5+5 f’pajjiżna.

Fil-laqgħa tagħhom ġie kkonfermat li Malta u Franza jinsabu fuq l-istess paġna quddiem l-problemi tal-immigrazzjoni u s-sitwazzjoni fil-Libja. Il-Ministru Franċiż saħaq li ż-żewġ pajjiżi jafdaw ħafna f’xulxin. Dan hekk kif huwa stqarr li Franza dejjem għenet lil Malta fi problemi tal-immigrazzjoni. Huwa qal li Franza dejjem emmnet fl-importanza ta’ rispons malajr għal urġenzi umanitarji, madankollu issa hemm bżonn jinsabu soluzzjonijiet fit-tul.

Quddiem l-iżvolta fi Brexit, il-Ministru Franċiż saħaq li issa l-pajjiżi ewropej għandhom jippreparaw ruħhom għat-tibdil li ġġib magħha Brexit mingħajr ftehim.

F’kummenti ma’ ONE News, il-Ministru Carmelo Abela saħaq li l-laqgħa tal-‘5+5’ li se tlaqqa’ għaxar Ministri għall-Affarijiet Barranin ta’ pajjiżi miż-żewġ naħat tal-Mediterran, hija kruċjali sabiex isiru d-diskussjonijiet neċessarji dwar il-problema tal-immigrazzjoni.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend