Delia jitlob lil Azzopardi jara jekk il-pożizzjoni tiegħu fil-PN għadhiex tenibbli – One News

Notifiki

Delia jitlob lil Azzopardi jara jekk il-pożizzjoni tiegħu fil-PN għadhiex tenibbli

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia talab lid-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi biex jagħmel eżami tal-kuxjenza u jara jekk l-pożizzjoni tiegħu fil-Partit Nazzjonalista hux tennibli.

Delia qal dan, meta kien mistoqsi fuq il-midja nazzjonalista dwar post li tella’ Jason Azzopardi fuq Facebook.

L-Erbgħa li għadda, Jason Azzopardi kiteb fuq Facebook, u permezz ta’ tixbiha, akkuża indirettament lil Delia li għandu ftehim sigriet mal-Gvern biex iħarsu l-interessi ta’ xuxlin. 

Azzopardi tteggja esponenti u d-deputati Nazzjonalisti li ftit li xejn jagħtu appoġġ lil Adrian Delia – bħal Karol Aquilina, Claudette Buttigieg, Ivan Bartolo, Karl Gouder, David Stellini, Claudio Grech, Mark Anthony Sammut, Alex Perici Calascione, Rosette Thake, Manuel Delia u Andrew Borg Cardona.

Itteggja wkoll lil ġurnalisti tat-Times – Jacob Borg , Keith Micallef u Ivan Camilleri – ġurnalisti qrib il-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil, li ta’ kuljum f’dawn il-ġimgħat kitbu dwar Adrian Delia.

L-ewwel li wieġeb li Jason Azzopardi, kien id-deputat nazzjonalista Mario Galea, li kien stqarr li Busuttil m’għandux izomm is-siġġu parlamentari.

Galea wieġeb lil Azzopardi bl-istess tixbiha u akkużah li qed jagħmel l-awtogowls apposta.

“Il-plejers bħal politiċi ġieli jagħmlu xi awtogowl. Ma ġara xejn. Kulħadd jiżbalja. L-importanti li l-autogaols ma jsirux apposta. U fil-politika tista’ tagħmilha bil-moħbi. Min irid jifhem ħa jifhem”, kiteb Galea bi tweġiba ċara għal dak li kiteb Jason Azzopardi.

Sakemm imbagħad ireaġixxa Adrian Delia. Ir-relazzjoni bejn Delia u Azzopardi, ma bdietx fuq sieq tajba sa mill-mument li Delia ħabbar li se jikkontesta għall-Kariga ta’ Kap Nazzjonalista.

Jason Azzopardi kien għajjar lil Adrian Delia ziemel ta’ Trojja ta’ Kastilja.

Agħar minhekk, Azzopardi li kien appoġġja lil Chris Said fit-tellieqa għal kap, f’Jum il-votazzjoni kellu inċident ma’ qraba ta’ Delia tant li kellhom jissejħu l-Pulizija.

F’dawn is-sena u erba xhur ir-relazzjon bejn il-Kap Nazzjonalista u Jason Azzopardi ftit li xejn marret għall-aħjar.

Bil-ġurnali jirrapurtaw li Jason Azzopardi u Beppe Fenech Adami kienu qegħdin jorganizzaw il-laqgħat sigrieta biex ikeċċu lil Delia minn Kap.

Sa din il-ġimgħa stess Azzopardi mar ma’ Delia l-qorti, izda kif jixhdu l-filmati, kien f’pozizzjoni skomda u ftit li xejn beda jaghti kas ta’ x’inhu jgħid Delia.

Dan kollu ikompli jikkonferma li r-relazzjoni bejn il-fazzjoni ta’ Delia u l-fazzjoni ta’ Busuttil, sejra mill-ħazin għall-agħar u l-Partit Nazzjonalista jinsab f’sitwazzjoni miżera.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend