ARA: Il-Pulizija mħassba dwar l-eluf li ma jilbsux is-seatbelt – One News

Notifiki

ARA: Il-Pulizija mħassba dwar l-eluf li ma jilbsux is-seatbelt

Madwar 4,300 persuna ġew imħarrka minħabba li ma kinux lebsin iċ-ċinturin tas-sigurta’ jew kif inhu magħruf is-‘seatbelt’ matul is-sena li għaddiet.

Minn statistika li kiseb ONE News mill-Korp tal-Pulizija u l-Aġenzija tal-Infurzar Lokali l-LESA, din iċ-ċifra tista’ tidher ftit meta mqabbel ma’ aktar minn 330,000 ċitazzjoni mogħtija s-sena l-oħra. Madankollu dan xorta qed iħasseb bil-bosta lill-awtoritajiet, li minkejja l-introduzzjoni tat-tnaqqis tal-punti u d-diversi kampanji għad baqa’ minn jabbuża.

Dan għal fatt li din il-kontravenzjoni hi meqjusa ta’ periklu kbir u saħansitra twassal għal mewt.  Hi meqjusa wkoll bħala waħda mill-aktar ħames kawżi komuni li jwasslu għall-imwiet fit-toroq.

L-Ispettur mit-Taqsima tat-traffiku Pierguido Saliba qal li f’żewġ inċidenti li seħħu fl-aħħar ġimgħat tas-sena l-oħra,  ġie determinat li l-persuni ndarbu gravi għax ma kinux lebsin is-seatbelt. Qal li kieku kienu lebsin iċ-ċintorin ma kinux jindarbu b’dan il-mod.

Spjega li wieħed jista’ jisfa vittma ta’ ġrieħi kbar fil-wiċċ fosthom sfregji u affarijiet oħra li jaslu għal diżabilitajiet permanenti.

“Dawn id-diżabilitajiet ma humiex rari, u r-riskju ta’ inċidenti fatali għax persuna taħbat rasha mal-karozza minn ġewwa. Riċentament kellna żewġ inċidenti hekk, li dawn spiċċaw imweġġa’ gravi minn suppost ġrieħi ħfief, għax ma kienux lebsin ‘seatbelt’.”

Il-Kap tad-Dipartiment tal-Emerġenza fi ħdan l-Isptar Mater Dei, it-Tabib Michael Spiteri kkonferma li f’inċidenti riċenti kien hemm indikazzjonijiet ċari li ċ-ċintorin ma kienx milbus.

“Sfortunatament qed nerġgħu naraw dawk il-‘markers’ li juru li minn kien fil-karozza ma kienx liebes ‘seatbelt’ jew protezzjoni oħra, eżempju qed naraw il-‘Bulls Eye Patterns’ fuq il-‘windscreen’. Hawnhekk wieħed jara koppla żbuzata l’ barra, li litteralment hija ‘negative imprint’ tal-passiġier fil-karozza.” Spjega t-Tabib Spiteri.

Fil-bicca l-kbira l-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili jkunu l-ewwel li jagħtu l-ewwel għajnuna. Is-Sur Kevin Pace ‘Chief Assistance & Rescue Officer’ fi ħdan il-Protezzjoni Ċivili jirrakkonta xi esperjenzi li għadda minnhom.

“Aħna ġieli morna fuq inċidenti fejn persuna ma tkunx liebsa s-‘seatbelt’ u bl-impatt tal-inċident toħroġ mill-‘windscreen’ u tispiċċa fit-triq. Literalment ma’ tibqax fil-vettura li tkun ħabtet fiha.”

It-Tabib Michael Spiteri li meta ma jintilibis iċ-ċintorin, il-persuna mhux biss iġġarrab sfreġju f’wiċċha, iżda d-daqqa li tieħu r-ras tista’ tkun fatali. Qal li l-persuna tista’ tgħawweġ għonqha jew tikser l-irkiekel u x-xewka tad-dahar bil-konsegwenza li tibqa’ pparalizzata għal għomorha.

Spjega wkoll li s-sewwieq jista’ jaħbat ukoll il-kaxxa ta’ sidru u żaqqu mal-isteering, bil-konsegwenza li jitlef ammont kbir ta’ demm. “Hemmhekk hemm organi vitali fejn għandek il-pulmun u ż-żaqq. Fiż-żaqq għandek organi bħal milsa u l-imsaren u jekk dawn jaqalaw daqqa kbira biżejjed jistgħu jiċaqilqu u jibblidjaw”. Dr. Spiteri qal ukoll li jekk wieħed jolqot id-dashboard b’saqajh, jista’ jġarrab dislokazzjoni tal-kuxtejn.

L-Ispettur Pierguido Saliba spjega kif ammont kbir minn dawn iċ-ċitazzjonijiet qed jingħataw lill-passiġiera li jirkbu fuq wara tal-karozza u ma jilbsux is-seatbelt.
“Qed insibu ħafna nies li għadhom ma jafux jew ma jridux jaċċettaw li fuq is-‘seat’ ta’ wara tilbes iċ-ċinturin, u din kienet mill-ewwel meta daħlet il-liġi.”

Dr. Michael Spiteri spjega li f’dan il-każ, il-konsegwenzi huma ferm agħar għal fatt li l-persuna ta’ wara tista ttir min postha u timbotta u tgħaffeġ lil persuna riekba fuq quddiem.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend