Diskussjoni għal titjib fil-kundizzjonijiet tal-membri tal-Korp tal-Pulizija – One News

Notifiki

Diskussjoni għal titjib fil-kundizzjonijiet tal-membri tal-Korp tal-Pulizija

Laqgħa li kellu l-Ministru Michael Farrugia mal-Kummissarju tal-Pulizija, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Kevin Mahoney, il-Kap Eżekuttiv tal-Korp Angelo Gafa, il-Malta Police Association (MPA) u l-Police Officers Union (POU), ġew konklużi tliet kwistjonijiet li tqajjmu mir-rappreżentati tal-ħaddiema.

 L-ewwel każ jinvolvi r-rata li biha se jkunu qed jitħallsu l-Pulizija li ddaħħlu jaħdmu part-time wara li kienu rtiraw qabel mis-servizz. Ir-rata tagħhom issa żdiedet u se tkun qed tirrifletti l-fatt li r-rata tal-paga li qabel kienet maħduma fuq xogħol ta’ 46 siegħa ser tkun qed tirrispetta l-ftehim settorali fejn il-ġimgħa ta’ xogħol tnaqqset għal 40 siegħa.
It-tieni ftehim jolqot ir-rata tal-extra-duty allowance li se tkun qed tiżdied biex tirrifletti ż-żieda fir-rati tal-paga tal-uffiċjali kollha fil-Korp tal-Pulizija. Ir-rata maħduma se tkun qed tirrifletti ż-żieda fir-rata tal-overtime li bdew igawdu minnha l-uffiċjali tal-Pulizija bil-ftehim kollettiv li ġie iffirmat ftit tal-ġimgħat ilu.
It-tielet ftehim ġie milħuq barra mill-Qorti u dawk l-uffiċjali tal-Pulizija li ma kinux intitolati għall-ħlas ta’ overtime waqt l-attivitajiet tal-Commonwealth Heads of Government Meeting (CHOGM) u waqt il-Valletta Summit fuq l-Immigrazzjoni, se jkunu qed jieħdu kumpens għas-sigħat illi huma ħadmu apparti mix-xogħol normali tagħhom. Riżultat t’hekk se titwaqqa’ l-kawża li hemm il-Qorti.
B’dak li ħabbar il-Ministru Michael Farrugia, il-Pulizija ser ikomplu jgawdu minn titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, bi dħul għalihom u għall-familji tagħhom. Kemm l-MPA u kemm l-POU  laqgħu bi ħġarhom dawn il-miżuri li se jtejbu l-kundizzjonijiet tal-Korp. Iż-żewġ unjins irringrazzjaw lill-Ministru u lill-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija talli ġew milqugħa u konklużi t-talbiet tagħhom.
Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend