Brexit: X’ġara u x’se jiġri? – One News

Notifiki

Brexit: X’ġara u x’se jiġri?

It-Tlieta filgħaxija l-Parlament Ingliż ivvota bil-qawwa kontra l-ftehim maqbul bejn il-Prim Ministru Ingliż Theresa May u l-Unjoni Ewropea dwar Brexit.

B’202 voti favur u 432 vot kontra, kien hemm oppożizzjoni qawwija għall-ftehim ta’ Brexit. L-ewwel reazzjoni għal dan il-vot wasslet mill-Prim Ministru Theresa May li qalet li filwaqt li tirrispetta d-deċiżjoni tal-vot fil-Parlament, il-vot ma jirriflettix x’iridu ż-żewġ naħat mill-ftehim.

Minkejja dan qalet li r-rappreżentanti tal-poplu Ingliż għandhom ukoll jirrispettaw ir-rieda tal-poplu li f’Ġunju ta’ tliet snin ilu vvota favur Brexit.

Il-mexxej tal-Partit Laburista Ingliż Jeremy Corbyn saħaq li dan kien vot ta’ sfiduċja fil-Gvern ta’ May wara li sentejn ta’ negozjati mal-Unjoni Ewropea spiċċaw ma wasslu għal xejn. Qal li dan kien l-akbar vot fejn Gvern ġie sfiduċjat f’100 sena u għalhekk ressaq mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern Ingliż:

Madankollu, l-probabilità li May titlef il-vot hija remota ħafna hekk kif il-Partit Demokratiku tal-Unjoni tal-Irlanda ta’ fuq u l-membri mill-partit konservattiv mistennija jivvutaw favur il-prim ministru Ingliż.

Id-dibattitu dwar il-vot fetaħ  b’Jeremy Corbyn ifisser il-Gvern ta’ May bħala “Zombie Government” għax ma jistax jiggverna. Saħaq li l-prim ministru May issa għandha tagħmel dak li hu sew u tirriżenja.  Għal dan hija qalet li elezzjoni ġenerali issa mhix fl-interess nazzjonali.

B’reazzjoni għall-vot spikkaw il-kummenti tal-President tal-kunsill Ewropej, Donald Tusk u l-President tal-Kummisjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker.

Juncker ħeġġeġ lir-Renju Unit sabiex jiċċara l-intenzjonijiet tiegħu filwaqt li nnota li l-ġurnata ta’ Brexit, id-29 ta’ Marzu qed tersaq ġmielha.

Minn naħa l-oħra Tusk staqsa minn se jkollu l-kuraġġ jgħid x’inhi l-unika soluzzjoni pożittiva għal din is-sitwazzjoni.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Aaron Farrugia, saħaq li l-gvern Malti laqa’ b’diżappunt il-vot li ttieħed fil-Parlament Ingliż u spjega x’toroq fadlilha l-Ingilterra wara l-iżvolta tal-bieraħ. Huwa spjega li “l-options huma allura li tintalab extension taż-żmien biex ir-Renju Unit joħroġ iktar tard u mhux f’Marzu, u allura jkun hemm iktar żmien li wieħed jista’ jinnegozja imma wkoll hemm possibilità kbira ta’ no deal.  Xi ħaġa li ħadd ma jixtieq imma li kull pajjiż diġà preparat għaliha”.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend