Il-Kunsilli Lokali se jibdew jassistu l-Bank tad-Demm – One News

Notifiki

Il-Kunsilli Lokali se jibdew jassistu l-Bank tad-Demm

Il-Kunsilli Lokali u ċ-Ċentru Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm iffirmaw ftehim li permezz tiegħu huwa maħsub li jinġabru mal-elf borża demm aktar fis-sena.

Dan tħabbar waqt l-iffirmar ta’ Memorandum of Understanding bejn ċ-Ċentru għat-Trasfużjoni tad-Demm u l-Assoċċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.

Il-Kap tal-bank tad-demm Dr Alex Aquilina spjega li aktar ma’ jiżdiedu s-servizzi offruti fl-isptarijiet, aktar qed tiżdied it-talba għad-demm. Bis-sena l-oħra kien stmat li kien hemm bżonn mal-50 borża demm kuljum:

“Issa l-boroż tad-demm li jittieħdu kollha jintużaw fuq il-pazjenti. Issa persuna tista’ tagħti d-demm aktar minn darba fis-sena. Allura, meta aħna ngħidu 16,500 borża tad-demm, ikun hemm minnhom li ġiet persuna u tat tlieta. Persuni li taw id-demm ikunu bejn 7,000 u 8,000, iżda donazzjonijiet ilaħħqu mas-17,000”.

Dr Aquilina spjega li b’dan il-ftehim il-bank tad-demm se jersaq aktar lejn il-komunitajiet Maltin u Għawdxin. Qal li l-mobile blood donation unit reġa’ beda jdur l-bliet u l-irħula Maltin wara li għamel numru ta’ ġimgħat wieqaf sabiex isirlu l-manutenzjoni.

Minn-naħa tiegħu Mario Fava, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli laqa’ dan il-ftehim li s’issa ġibed lejh mal-40 Kunsill Lokali.  Huwa spjega wkoll kif dan il-ftehim ikopri l-attivitajiet imtella’ mill-Kunsilli Lokali:

“Dawn jintrabtu li f’dik il-ġimgħa ta’ attivitajiet, jintrabtu li jqabbdu grupp ta’ residenti u jmorru l-bank tad-demm jagħtu donazzjoni tad-demm. Aħna qed nistmaw li jinġabru 1,000 borża demm minn attivitajiet tal-Kunsilli Lokali”.

Minn naħa tiegħu id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħeġġeġ aktar ċittadini sabiex iwettqu dan l-att ta’ ġenerosità li jista’ jfisser ħajja jew mewt ta’ persuna.

Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis faħħar il-ħidma tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali hekk kif dan il-ftehim u qal li din hija t-tieni impenn bejn il-Kunsilli Lokali u d-Dipartiment tas-saħħa fi ftit ġimgħat.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend