€23 miljun minn applikazzjonijet għar-regolarizzazzjoni tal-bini | One News

Notifiki

€23 miljun minn applikazzjonijet għar-regolarizzazzjoni tal-bini

L-Awtorità tal-Ippjanar fl-aħħar sentejn u nofs daħlet mal-11,000 applikazzjoni għal permessi ta’ regolarizzazzjoni ta’ binjiet li għal xi raġuni jew oħra ma kinux konformi mal-permessi meħtieġa.

ONE News tkellem ma’ Malcolm Ferriggi, uffiċjal mill-Awtorità tal-Ippjanar fejn qal ukoll li mindu daħlet l-iskema fis-seħħ f’Awwissu tal-2017, l-Awtorità daħħlet mat-€23 miljun minn dawn l-applikazzjonijiet.

Il-flus li ddaħħlu qed jintużaw fost oħrajn għall-iskema Irrestawra Darek:

“L-Awtorità b’kollox mill-bidu tal-iskema daħlu fuq €23miljun. Għaxar miljuni minnhom daħlu mill-applikazzjonijiet tas-sena l-oħra fl-2018 u minn din is-somma globali kien hemm skema għaddejja ta’ Rrestawra Darek li minnhom intnefqu xi €18-il miljun”.

L-iżjed parti komuni li ntalbet regolarizzazzjoni fuqha kienu l-btieħi hekk kif fl-istess żmien li daħal l-avviż legali ta’ din l-iskema, daħal emenda fil-liġijiet tas-sanità:

“Btieħi interni, meta jkollok bitħa li hija ħafna iżgħar milli kienet tirrikjedi il-liġi sanitarja kemm ta’ dak iż-żmien kif ukoll ta’ daż-żminijiet għax kien hemm emenda fil-liġi tas-sanita fl-2016 kif ukoll btieħi ta’ wara”.

L-iskema tolqot biss dawk il-binjiet li nbnew qabel Awwissu tal-2016:

“Dat-tip ta’ żvilupp irid ikun seħħ qabel Awwissu tal-2016 għax dik ġiet regolarizzata ma’ meta ħarġet l-avviż legali stess. Irid ikun hemm xi tip ta’ prova kif tgħid l-avviż legali li x-xogħilijiet saru qabel. L-Awtorità għandha meżżi wkoll biex tikkonferma dan, xi kultant mhux dejjem faċli sintendi”.

Ħafna minn dawn l-applikazzjonijiet saru sabiex il-binja issir konformi mal-liġijiet ħalli b’hekk tkun tista tinbiegħ jew tintiret. Kull applikazzjoni trid tiġi sottomessa minn perit:

“Wieħed dejjem għandu jirrikorri għand perit. Ħafna minn dawn l-applikazzjonijiet isiru biex jindirrizzaw ukoll fejn iridu jsiru kuntratti biex taqla minn sitwazzjonijiet f’trasferiment ta’ propjetà li tul iż-żmien kienu tweħħlu minħabba li bl-ebda mod bil-liġijiet li kien hemm tal-ippjanar ma setgħu jiġu regolarizzati”.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend