Il-maġġoranza tad-deputati tal-PN nieqsa mir-rally ta' Delia | One News

Notifiki

Il-maġġoranza tad-deputati tal-PN nieqsa mir-rally ta’ Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia beda dik li fi kliemu sejjaħ gwerra kontra l-fazzjoni ta’ deputati fil-Partit Nazzjonalista permezz ta’ rally l-Ħamis filgħaxija li fih ipprova juri s-saħħa li għandu mal-attivisti tal-Partit Nazzjonalista.

Madankollu, tul ir-rally spikka n-nuqqas tal-maġġoranza assoluta tad-deputati fil-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista b’mod partikolari d-deputati mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil.

Preżenti għar-rally kien hemm biss grupp żgħir ta’ deputati li sa mill-bidu kienu ta’ spalla għal Delia.

Minkejja l-impressjoni li pprovat tagħti t-tmexxija Nazzjonalista, tul il-jum tal-Ħamis, nies qrib Delia fosthom il-għamlu jum sħiħ itambru fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista biex iħeġġu kemm jifilħu lill-partitarji Nazzjonalisti jattendu għar-rally li ssejjaħ b’aġġoġġ għal Delia.

Saħansitra l-fazzjoni ta’ Delia ħasbet biex torganizza t-trasport għall-attivisti li dehru jaslu b’għadd ta’ vannijiet.

Spikkat ukoll id-dehra anzjuża tad-deputat Nazzjonalista, Herman Schiavone li mill-gallarija deher iħares lejn il-ġemgħa li nġabret quddiem id-Dar Ċentrali. Ġemgħa li kellha l-għan li  tibgħat messaġġ lill-fazzjoni ta’ Busuttil li fl-aħħar ġimgħat ħarxet l-attakk fuq Delia biex itajru mit-tmexxija tal-Partit wara allegazzjonijiet serji li ħarġu kontrih fosthom allegazzjoni ta’ ħasil ta’ flus minn ċirku ta’ prostituzzjoni f’Soho.

Fi tmiem l-attività li l-midja ma ġiet mistiedna għaliha, Delia tella’ filmat fuq Instragram juri l-ġemgħa li marret tappoġġjah kontra l-fazzjoni ta’ Busuttil.

Dan hekk kif erba’ xhur biss qabel żewġ appuntamenti elettorali l-kap Nazzjonalista, Adrian Delia spiċċa jipprova jirbaħ l-appoġġ tal-Partit tiegħu stess minflok dak tal-elettorat.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend