Ikkonfermata d-dgħajsa li minn fuqha ntbagħat l-sms li qatel lil DCG | One News

Notifiki

Ikkonfermata d-dgħajsa li minn fuqha ntbagħat l-sms li qatel lil DCG

Id-dgħajsa ‘Maya’ maqbuda mill-Pulizija hi l-istess waħda li nhar is-16 ta’ Ottubru daħlet u ħarġet mill-Port il-Kbir u li abbord tagħha allegatament kien hemm George Degiorgio magħruf bħala ċ-Ċiniż li f’dak il-ħin bgħat l-SMS qattiel minn ġol-Port il-Kbir.


Filmati tagħha dieħla u ħierġa mill-Port il-Kbir ġew elevati minn kameras tas-sigurta’ li Transport Malta għandha fil-Port il-Kbir.
Fix-xhieda tiegħu l-Kaptan Reuben Lanfranco li tqabbad mill-Qorti sabiex jeżamina dawn il-filmati u jqabbilhom mad-dgħajsa sostna li hemm probabilita’ ta’ ħamsa u disgħin fil-mija li din hi l-istess dgħajsa.
Fuq il-pedana tax-xhieda spjega x’wassal sabiex wasal għal din il-konklużjoni, ewlenin fosthom d-ditta u l-mudell tad-dgħajsa li f’Malta hawn ftit ħafna reġistrati minnha flimkien mal-kulur tat-tinda.
Fis-seduta tal-Ġimgħa filgħodu xehdu wkoll għadd ta’ uffiċjali tal-Pulizija li nhar l-4 ta’ Diċembru ġew maħtura mill-Inkjesta sabiex jieħdu xi marki tal-idejn flimkien ma’ diversi ritratti ta’ fabbrika fiż-żona industrijali fil-Marsa, f’garaxx f’Ħaż Żebbuġ.
Qalu kif nhar il-5 ta’ Diċembru marru jagħmlu l-istess xogħol fis-Swieqi.
Ix-xhud ewlieni kien l-Ispettur Charlot Casha mit-Taqsima Forensika tal-Pulizija, fejn spjega x-xogħol tal-Pulizija dakinhar tad-delitt u anke fil-jiem u l-ġimgħat ta’ wara fosthom meta saru l-arresti.
Il-każ ġie aġġornat għax-xahar id-dieħel, il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra bl-assistenza tal-Avukat Philip Galea Farrugia mill-Avukat Ġenerali.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend