ARA: Ta' 21 sena għażluh biex ikun ix-xufier tal-eks PM Dom Mintoff | One News

Notifiki

ARA: Ta’ 21 sena għażluh biex ikun ix-xufier tal-eks PM Dom Mintoff

Kellu 18-il sena meta fl-1982, Patrick Barbara applika mad-Dejma, u ħames snin wara daħal fl-armata. Tul iż-żmien li dam fid-Dejma, Barbara kien intagħżel biex ikun ix-xufier tal-eks Prim Ministru, il-Perit Dom Mintoff.

“Kien bagħat għalija l-Kmandant ta’ dak iż-żmien, Johnny Cachia, u tani l-ordni biex immur miegħu, jien sintendi ta’ 21 sena aċċettajt u għalija kienet esperjenza li ma ninsiha qatt”.

Barbara rrakkonta kif l-esperjenza tiegħu ma’ Mintoff għallmitu valuri li baqa’ jgħożżhom tul ħajtu kollha:

“Konna nitkellmu fil-karozza meta dejjem ikun f’burdata tajba, meta jkun f’burdata ħażina nindunaw u ma nitkellmu xejn, imma kien jaqbad ħafna stejjer u tgħallimt ħafna mingħandu. Tgħallimt kif tħobb lil kulħadd żgur u kif tgħin lil kulħadd”.

Fis-sentejn li għamel isuqu, nibtet relazzjoni ta’ ħbiberija, tant li kienu baqgħu f’kuntatt anke wara li ma baqax xufier tiegħu. L-aħbar tal-mewt ta’ Dom Mintoff, kienet ta’ niket għal Patrick u ried li jkun parti mill-funeral:

“Kif tħabbret l-aħbar li Duminku Mintoff miet jiena għamilt voluntier biex nieħu sehem fil-funeral. L-amministrazzjoni tal-armata dak iż-żmien tatni rwol importanti, role in charge mir-reffiegħa, mill-coffin bearers tal-funeral u għalija kienet xi ħaġa li niftakar għal għomri kollu”.

Fil-perjodu ta’ aktar minn 30 sena fl-armata, Barbara kellu ħafna x’jirrakkonta. Semma l-esperjenza li kellu 19-il sena ilu fil-Kosovo. Qal li wara li ntemmet il-gwerra fil-Kosovo kien parti minn tim tal-SOS Albania li marru biex jagħtu l-għajnuna umanitarja. Kienet sfida li tatu sodisfazzjon kbir. Barbara għamel 20 sena fit-taqsima medika u spjega kif kellu jieħu deċiżjonijiet ibsin.

“Kienu jqabbduna nagħmlu t-testijiet tad-droga u dik kienet xi ħaġa li jiena kont inħoss għal min konna nsibu pożittiv u jitkeċċa mill-armata. imma kien xogħoli u kelli nagħmlu”.

L-10 ta’ Jannar tfisser it-tmiem ta’ karriera fl-armata u b’emozzjoni kbira fuq wiċċu jispjega kif il-parata ta’ Jum ir-Repubblika tas-sena li għaddiet kienet l-għeluq tal-karriera tiegħu, għeluq ċelebrattiv li kellu rwol importanti li jmexxi l-Escort of the Colour.

“Dik kienet f’moħħi, għidt issa nispiċċa bil-parata ta’ Jum ir-Repubblika, fl-istess ħin nagħti s-salut tiegħi lill-President tar-Repubblika, Marie-Lousie Coleiro Preca. Fl-istess ħin f’qalbi bdejt nirringrazzja lill-poplu Malti u lin-nazzjon Malti ta’ dawn is-snin kollha li għamilt fis-servizz”.

Mistoqsi x’inhuma l-pjani tiegħu fl-irtirar, bi tbissima qalilna li se jidħol għal sfida oħra, dik li jikkontesta l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali li se jsiru fil-25 ta’ Mejju li ġej f’isem il-Partit Laburista fil-lokalità ta’ Ħaż Żabbar.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend