Kap. 28 tal-Atti tal-Appostli – One News

Kap. 28 tal-Atti tal-Appostli

Ħassejt li Joseph Muscat ma kien komdu xejn bis-sitwazzjoni li nħolqot,  li żewġ vapuri tal-NGOs  ġabru xi nies fl-ibħra tal-Italja u baqgħu ġejjin hawn fl-ibħra  taghna.  Skont il-liġi internazzjonali,  r-responsabbilità kienet tal-Italja.  Sempliċi.  Fejn ikunu se jegħrqu u jiġu salvati,  hemm tidħol ir-responsabbilità tal-pajjiż li fl-ibħra territorjali tiegħu, ikun sar is-salvataġġ.

L-Italja nzertat agħar minna f’dan ir-rigward,  għax Lampedusa hija eqreb lejn l-Afrika milli Malta. Dan fatt ġeografiku.

Anke l-kliem li qal meta ta l-aħbar mhux biss kien f’waqtu, imma wera verament is-sentimenti tiegħu u tal-Maltin.  Ngħidu x’ngħidu,  aħna l-Maltin qalbna tajba u nħennu.  Mhux ta’ b’xejn li meta San Pawl għereq fl-ibħra Maltin u dam tliet xhur hawn,  stqarr li l-Maltin “laqgħuna ħafna u nies ta’ qalb tajba.”    San Pawl għamel żmien joqgħod fuq ir-riħ ta’ Burmarrad,  fil-post magħruf bħala San Pawl Milqi,  jiġifieri,  il-Milqugħ…..jekk tridu tafu fejn tibqa’ sejjer fit-telgħa fejn joqgħod Joseph Muscat.

Malta hija qalbha tajba u allaħares ma tkunx hekk.  Fid-dinja,  illum int għada jien. Imma ma tistax tkun fidila jew ċuċ.

Jekk kienet responsabbilità tat-Taljani baqgħet responsabbilità tagħhom,  imma kuntrarjament għal dak li kienu jgħidu qabel li ma jridux jerfgħu t-tagħbija waħidhom,  issa bil-bidla tal-gvern, ma jridu jerfgħu xejn.  “X’jimpurtani mil-liġijiet u trattati internazzjonali.  Jien għandi s-sħħa u ala biebi.”

Kieku Joseph Muscat ċeda għal attitudni bhal din,  kien ikun ġifa. Minkejja li l-ġurnalisti Taljani kienu qed jostru l-verità li s-salvataġġ sar fl-ibħra tagħhom,  bdew jagħmlu enfasi li l-vapuri kienu Malta u konna qed nirrifjutaw li ngħinu.

Dan mhux il-karattru tagħna.  Il-karattru li ngħinu u tal-ħniena.  Mela meta kien hemm it-terremot fl-Italja,  fl-Irpinia, fl-1980,  sar ġbir minn Malta kollha.  Mhux biss gvieret eċċ eċċ,  imma flus.  Kienet ġietni kurżità.  Fl-Italja ġabru wkoll, naturalment.  Il-Maltin ras għal ras taw aktar mit-Taljani lil ħuthom stess !!

U biex aktar tidher il-kattiverja tal-gvern Taljan, wara li ttieħdet id-deċiżjoni u l-Italja se jmissha biċċa,  Salvini il-Ministru tal-Intern li kien qed iħawwad fil-borma fil-Polonja,  stqarr li hu rrabjat li ċedew u ma  kinux ikkonsultawh!

Id-dritt internazzjonali huwa parti mir-rule of law jew is-saltna tad-dritt.  Joseph wiċċu nadif,  ħaddieħor aħjar jaħslu.

Ta’ QabelLi Jmiss
Gradwat tal-Universita` ta’ Malta fil-ligi fl-1970 meta beda jaħdem ta’ avukat. Gradwat ukoll fil-Letteratura Ingliża, Latin u Filosofija mill-Universita` ta’ Londra. Aktar tard gradwat fl-Ekonomija mill-Universita ta’ Londra. Tela’ l-ewwel darba fil-Parlament 1971, u l-aħħar darba fis-sena 2003. Huwa serva ta' Ministru bejn l-1979 u 1981. Okkupa l-kariga ta' Deputy Leader tliet darbiet, meta kien hemm fit-tmexxija Duminu Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici u Alfred Sant. Għamel 17-il sena jattendi l-Kunsill tal-Ewropa, u kiteb rapport magħruf internazzjonalment bħala The Brincat Report, rapport li wassal għall-konvenzjoni internazzjonali fuq id-drittijiet tal-minoranzi. Illum jaħdem ta’ avukat.

Send this to a friend