Jinġabru l-firem mid-Deputati tal-PN biex Adrian Delia ma jibqax kap | One News

Notifiki

Jinġabru l-firem mid-Deputati tal-PN biex Adrian Delia ma jibqax kap

Rapporti f’diversi midja indipendenti żvelaw li bdew jinġabru l-firem ta’ Deputati Nazzjonalisti sabiex Adrian Delia jitneħħa minn Kap tal-Partit Nazzjonalista. Uffiċjal għoli fil-Partit Nazzjonalista qiegħed jiċċirkola d-dikjarazzjoni bejn id-deputati Nazzjonalisti, sabiex tiġi iffirmata minnhom bil-għan li Delia jwarrab mit-tmun tal-partit.

Żvelat dan The Malta Independent, hekk kif tkellmet ma’ sors li għandu għeruq u kariga għolja fil-Partit Nazzjonalista. Deputati Nazzjonalisti li wkoll tkellmu mal-Independent bil-kundizzjoni li jiqbgħu anonimi, ikkonfermaw li qegħdin jinġabru l-firem sabiex Delia ma jiqbax Kap.

L-Independent irrappurtat li d-dikjarazzjoni tgħid li Adrian Delia huwa problema għall-Partit Nazzjonalista. Is-sorsi li tkellmu mal-gazzetta qalu li din id-dikjarazzjoni se tintuża mid-Deputati Nazzjonalisti sabiex jirrimarkaw lil Delia li l-Partit Nazzjonalista għaddej minn sitwazzjoni ħażina u ma ttieħdet l-ebda d-deċiżjoni.

Il-Partit Nazzjonalista ilu għaddej minn ġlied u firda minn mindu Adrian Delia laħaq Kap f’Settembru tal-2017. Madankollu Delia baqa’ qatt ma ħa kontroll tal-Partit Nazzjonalista, li jinsab f’sitwazzjoni miżerabbli. Fil-fatt, f’Ottubru tal-2017 id-Deputati Nazzjonalisti, partikolarment dawk qrib l-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, bdew jaħsbu sabiex iressqu vot ta’ sfiduċja f’Delia. L-Independent kompliet tgħid li s-sitwazzjoni li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista tista twassal għal vot ta’ sfiduċja.

Intant, l-Illum irrappurtat li Beppe Fenech Adami u Jason Azzopardi huma fost id-Deputati Nazzjonalisti li qed jiltaqgħu ma’ deputati oħra biex ikellmuhom dwar Adrian Delia u s-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista. Dan f’laqgħat sigrieta organizzati mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil u huma immirati sabiex Adrian Delia ikollu jwarrab mit-tmexxija tal-partit. Sorsi li tkellmu mal-Illum sostnew li kemm Fenech Adami u anke Azzopardi qed jgħidu lid-Deputati, li l-pożizzjoni ta’ Delia bħala Kap tal-partit mhix aktar tenibbli.

L-Illum kompliet tirrapporta li Fenech Adami u Azzopardi tkellmu mad-Deputati Mario Galea, Ivan Bartolo u Edwin Vassallo. Is-sors li tkellem mal-Illum qal li t-tmexxija tal-partit taf b’dak li qegħdin jagħmlu Beppe Fenech Adami u Jason Azzopardi tant li Delia ħareġ jiddikjara pubblikament li l-attakki kontrih min-nies fil-partit se jibqgħu għaddejjin.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend