Żieda ta’ 13% fit-turiżmu sportiv matul l-2017 – One News

Notifiki

Żieda ta’ 13% fit-turiżmu sportiv matul l-2017

Ċifri tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu juru li matul l-2017 kien hemm żieda ta’ ‘l fuq minn 13% fit-turiżmu sportiv meta mqabbel mas-sena 2016.

Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn matulha ngħataw dettalji dwar iż-żjara tat-tim ta’ Fiorentina f’Malta li se jkunu qegħdin jieħdu sehem f’tournament ma’ Gżira United u Hibernians.

Carlo Micallef, il-Kap tar-riklamar fi ħdan l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu sostna li t-turiżmu sportiv mistenni jkompli jiżdied matul is-ena.

F’konferenza tal-aħbarijiet is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Isport Clifton Grima, esprima s-sodisfazzjon tiegħu li timijiet barranin qed jagħżlu Malta għat-taħriġ tagħhom.

“Naħseb li din hija xi ħaġa pożittiva, xi ħaġa li rridu nkomplu nibnu fuqha, xi ħaġa li għandna nassiguraw ruħna li ma tkunx okkażjoni ta’ darba iżda xi ħaġa kontinwa u dan sabiex nimxu fuq it-triq li qbadna, li jkollna investiment qawwi f’dik li hija infrastruttura sportiva ġewwa pajjiżna sabiex inkomplu nkabbru t-turiżmu sportiv f’pajjiżna”.

Is-Segretarju Parlamentari spjega li anka timijiet u plejers Maltin ikollhom x’jiggwadanjaw meta timijiet barranin jiġu f’pajjiżna għat t-taħriġ tagħhom.

“Il-fatt li għandek dawn it-timijiet li qedgħin jagħżlu lil pajjiżna minħabba li l-klima tippermetti, minħabba l-infrastruttura tagħna, kapaċi jakkomodaw dawn it-tip ta’ timijiet, iva nħares ‘il quddiem li jkun hemm dawn it-tip ta’ tournaments, logħob li jkunu okkażjoni għal plejers tagħna biex iħabbtuha ma’ plejers li week in, week out jilgħabu f’intensità li hija totalment differenti minn dik tal-kampjonat lokali”.

Il-Ministru Konrad Mizzi qal li barra li pajjiżna qed jilqa’ avvenimenti kbar ta’ fama dinjija għal kull età, Malta hija post ideali għal avveniment sportivi minħabba l-faċiltajiet li noffru, lukandi, lingwa, klima u distanza.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend