“Ma kellix il-kuraġġ nitkellem”- it-tfajla ta’ 16-il sena ‘taħlef’ li kienet stuprata minn kuġinuha għal seba’ snin sħaħ – One News

Notifiki

“Ma kellix il-kuraġġ nitkellem”- it-tfajla ta’ 16-il sena ‘taħlef’ li kienet stuprata minn kuġinuha għal seba’ snin sħaħ

Tfajla ta’ 16-il sena ħalfet fil-Qorti li kienet qed tgħid il-verità dwar abbuż sesswali li allegatament sofriet minn kuġinuha għal seba’ snin sħaħ.

Hekk kif l-ewwel ġuri għal din is-sena daħal fit-tieni jum tiegħu, uġinuha, li llum għandu 25 sena, qed jaffaċċja akkużi ta’ abbuż sesswali u li pparteċipa f’atti sesswali ma’ kuġintu għal seba’ snin sħaħ, liema abbuż allegatament intemm madwar sentejn ilu.

Hekk kif kompla l-ġuri tul il-jum tat-Tlieta, it-tfajla insistiet li qatt ma gidbet dwar dan il-każ, u li hija mweġġa’ li hemm xi persuni li jitkellmu fuq l-abbuż mingħajr ma jikkunsidraw kliemhom sew. Skont hi, dawn in-nies ma jafux x’jiġifieri l-veru abbuż.

Hija tat ix-xhieda tagħha b’vidjo, u rrakkuntat diversi episodji li skont hi, iddeterminawlha ħajjitha. Hija ma wriet ebda sinjal ta’ emozzjoni waqt li kienet qed titkellem.

“Mentalment kont eżawsta, kont nisma’ diski melankoliċi u naqra kwotazzjonijiet tad-dwejjaq. Kont inqatta’ ħafna ħin nibki anke bil-lejl. Kelli tbissima falza għal seba’ snin sħaħ u llum-il ġurnata nħoss rimors kbir”, qalet it-tfajla.

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera staqsiet lill-allegat vittma għalfejn stenniet seba’ snin biex tirrapporta dan l-abbuż, u hija qalet li qatt ma kellha l-kuraġġ titkellem dwar l-allegat stupru, u ma riditx li tkisser lil familtha.

Minkejja dan, it-tfajla tkellmet ma’ guidance teacher fl-iskola fejn kienet tmur. Jidher li għall-ewwel, is-sessjonijiet tagħhom kienu dwar l-eżamijiet tal-iskola, iżda eventwalment l-attenzjoni ddevjat fuq is-sors propju tal-problemi tat-tfajla.

Mistoqsija mill-Imħallef x’tifhem bil-kelma abbuż, it-tfajla wieġbet li abbuż huwa meta persuna tkun sfurzata tagħmel xi ħaġa li ma tkunx trid tagħmel. Hawnhekk żiedet tgħid li hija kienet sfurzata tagħmel is-sess ma’ kuġinuha minn tal-anqas darbtejn fix-xahar, u li hu kien jaqbdilha jdejha bħala sinjal ta’ x’inhu mistenni minnha.

It-tfajla żiedet tgħid li ma tiftakarx jekk kienx hemm xi okkażjonijiet fejn kienet hi li wriet l-intenzjoni li jkollha x’taqsam sesswalment ma’ kuġinuha. Hija qalet ukoll li minkejja li kienet f’relazzjoni, qatt ma għamlet l-affarijiet li għamlet ma’ kuġinuha. Dan minkejja li kien eks sieħeb tagħhha li ħeġġiġha tirrapporta l-abbuż wara li fetħet qalbha miegħu.

Viżibilment imbarazzata u taħt tensjoni, omm l-allegat vittma qalet li għadha xxukkjata b’dak li qed jiġri, għaliex bintha kienet tifla kwieta u riżervata li qatt ma tatha inkwiet. Hija ammettiet ukoll li bintha qatt ma fetħet qalbha magħha dwar l-allegat abbuż, u saret taf kollox mill-Pulizija.

Xehed ukoll il-guidance teacher tat-tfajla, li qal li malli din qaltlu b’dak li kienet għaddejja minnu, irrefera l-każ għand ta’ fuqu. Eventwalment, il-każ kien riferut għas-Servizzi tal-Protezzjoni tat-Tfal li tipprovdi l-Aġenzija Appoġġ.

Ara wkoll:

Żagħżugħ ta’ 25 sena mixli li stupra lil kuġintu ta’ 10 snin

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend