Lejn kumitat dwar il-migrazzjoni fil-Parlament Ewropew | One News

Notifiki

Lejn kumitat dwar il-migrazzjoni fil-Parlament Ewropew

Tul l-aħħar snin pajjiżna kien protagonist fit-tiftix għas-soluzzjonijiet dwar il-fenomenu tal-immigrazzjoni irregolari. Fost oħrajn kien pajjiżna li laqqa’ mexxejja Ewropej u mexxejja Afrikani matul il-Valletta Summit dwar il-Migrazzjoni, f’Novembru 2015 u li permezz tiegħu twaqqaf ukoll il-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza għall-Afrika, li matul l-2018 gawda minn €4.1 biljun mill-Baġit tal-UE.

Filwaqt li nissalvagwardjaw l-interessi tagħna u ta’ pajjiżna, l-isfida tal-migrazzjoni u l-aħħar żviluppi, għandhom iħeġġuna biex inkomplu din il-missjoni bħala dak l-istat Ewropew li kif qal il-Prim Ministru noħolqu l-bilanċ meħtieġ bejn l-interessi nazzjonali u d-dinjità umana.

Ir-rispett tagħna lejn liġijiet marittimi u internazzjonali kif ukoll il-konvinzjoni morali li nies vulnerabbli bħal dawn għandhom jingħataw l-għajnuna qatt ma naqsu.

Iżda, nemmen li wasal iż-żmien li nitbiegħdu mill-kunċett li s-salvataġġ fil-Mediterran għandu jiġi determinat ġeografikament. L-Unjoni Ewropea għadha tfittex iktar minn qatt qabel soluzzjonijiet komuni.  Anke għax id-dinja tal-ġejjieni ser tiddependi ħafna iktar fuq il-bżonnijiet reċiproki tal-Istati Membri milli l-pożizzjoni ġeografika tagħhom.

Huwa għalhekk illi jekk inkun eletta fil-Parlament Ewropew inwiegħed illi ser naħdem bis-sħiħ biex inwassal dan il-messaġġ.  Fejn fost oħrajn nemmen li għandu jitwaqqaf Kumitat speċifiku dwar il-Migrazzjoni fi ħdan l-istess Parlament Ewropew, li sal-lum ma jeżistix.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend