Busuttil jerġa’ jitlef fil-Qorti… rikors tiegħu meqjus “spekulazzjoni” – One News

Notifiki

Busuttil jerġa’ jitlef fil-Qorti… rikors tiegħu meqjus “spekulazzjoni”

Il-Qorti Kriminali ċaħdet it-talba ta’ Simon Busuttil biex ikunu investigati numru ta’ persuni fosthom il-Prim Ministru, il-Ministru għat-Turiżmu u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru. Biex għal darb’oħra rriżulta li meta fl-2017 Simon Busuttil kien ġej u sejjer il-Qorti kien qed jagħmel dan mingħajr provi f’idejh.

F’digriet finali tal-Imħallef Giovanni Grixti, il-Qorti nnotat kif ir-rikors li ressaq Busuttil biex ikunu investigati seba’ persuni kien biss il-fehma tiegħu u fin-nuqqas ta’ provi kien deskritt bħala li “jikkwalifika għal spekulazzjoni.”
Fil-fatt f’mumenti diversi tas-sentenza tagħha l-Qorti qalet li Simon Busuttil “għamel biss allegazzjonijiet” u semma biss persuni mingħajr ma indika bid-dettall il-fatti tar-reati li allega.

Saħansitra, innotat il-Qorti, Simon Busuttil prova jistrieħ ukoll fuq dikjarazzjonijiet taċ-ċermen tal-Kumitat Pana tal-Parlament Ewropew, Werner Langen. Għalkemm hawn ukoll irriżulta li interpretahom ħażin.

Din id-deċiżjoni hija marbuta mat-talba li kien għamel fl-14 ta’ Lulju, Simon Busuttil, dakinhar Kap ta’ Partit fl-Oppożizzjoni li kien għadu kif tilef elezzjoni. Bl-għajnuna legali tal-avukat Jason Azzopardi, ukoll Deputat Nazzjonalista, kien għamel numru ta’ allegazzjonijiet f’rikors twil kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Ministru Konrad Mizzi, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, Brian Tonna u Karl Cini, Malcolm Scerri u Adrian Hillman.

Eventwalment il-każ spiċċa suġġett ta’ battalja legali. Dan b’mod partikolari wara li Busuttil beda proċeduri biex ineħħi l-Imħallef Antonio Mizzi li kellu jiddeċidih.

Għalkemm Simon Busuttil tilef il-kawża kostituzzjonali, il-każ xorta waħda ma kienx deċiż mill-Imħallef Mizzi, li laħaq irtira biż-żmien u d-deċiżjoni ngħatat it-Tlieta mill-Imħallef Grixti.

B’argumenti dettaljati u studjati l-Imħallef tefa’ l-barra r-rikors ta’ Simon Busuttil u minflok ta spjegazzjonijiet diversi ta’ kif ir-raġunament tal-eks kap tal-oppożizzjoni kien ħażin u mhux ta’ min joqgħod fuqu.

“Id-denunzjat kien tenut li jindika b’mod ċar ir-reat li hu jissuspeta li sar fl-assjem ta’ dak kollu minnu rakkontant,” qalet il-Qorti f’dikjarazzjoni li tfisser li Busuttil kellu jmur il-Qorti jekk bil-provi u mhux sempliċiment bis-suspetti tiegħu u bl-istejjer li ħoloq hu.

Saħansitra l-aġir ta’ Busuttil kien deskritt bħala wieħed inġust fuq il-Qorti u filwaqt li jaqbad iċ-ċirkostanzi li semma Busuttil l-Imħallef jistaqsi kif jistgħu iwasslu għar-reat ta’ ħasil ta’ flus.
Eventwalment kien fil-konklużjonijiet tagħna li l-Qorti ddeskriviet l-aġir ta’ Busuttil għal “kwalifikabbli bħala spekulazzjoni.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend