Konfoffa – One News

Notifiki

Konfoffa

Se ngħidha mill-ewwel biex tkun ċara, m’għandi l-ebda interess u ma rridx nidħol fl-affarijiet personali u familjari tal-Kap tal-Oppożizzjoni, dak jarahom hu flimkien mal-familja tiegħu.

Iżda rrid nagħmel referenza għal dak li qal ilbieraħ il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista, għax it-taħdida ma’ ġurnalista tan-NET li kellu kienet waħda surreali.

Kienet surreali mhux biss għax għamel 85% tad-diskors tiegħu jattaka lill-Gvern fuq il-Kultura, li llum hawn qbil ġenerali fil-pajjiż kemm fl-aħħar qed jingħata importanza lil dan is-settur, mhux għax fetaħ attakk fuq l-ekonomija li llum hawn qbil mhux biss fil-pajjiż, iżda anke barra minn Malta, li pajjiżna huwa minn ta’ quddiem f’dan ir-rigward, iżda surreali għax spiċċa biex waħħal f’Joseph Muscat, il-Gvern u l-Partit Laburista għall-attakki li huma ġejjin mill-Partit Nazzjonalista stess.

B’dak id-diskors tal-bieraħ ikkonfermajt, jekk qatt kien hemm bżonn, kemm huwa importanti li aħna nkunu differenti anke jekk ikun hemm min jgħid li dawn jitrattaw lilna hekk u allura missna nagħmlu bħalhom. Bizzejjed wieħed jiftakar minn xiex għaddew lill-familja tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Ikun hemm il-lebliba li joqgħod jiftaħ il-kanuni, iżda dak huwa dak li jagħmel lil dan il-moviment differenti.

Huwa tfakkira wkoll ta’ fejn kapaċi jaslu dawk in-nies li qegħdin fil-Partit Nazzjonalista, tfakkira li għall-poter lesti li jagħmlu kollox anke li jikxfu l-għawwar tal-Kap tagħhom stess fil-pubbliku għax il-klikka tagħhom illum tinsab fil-periferija tal-politika interna tal-Partit li ġejjin minnu.

Għalhekk huwa surreali d-diskors ta’ Delia lbieraħ, fejn waħħal f’Joseph Muscat dak li qed imexxu d-Deputati li magħhom ikun dahar ma’ dahar.

Huwa ċar li l-Kap tal-Oppożizzjoni jinsab f’kantuniera, fejn spiċċa sejjaħ lil mezzi tax-xandir fosthom it-Times of Malta li lbieraħ kellhom stejjer dwaru u l-qagħda finanzjarja tiegħu bħala alleati tal-Gvern. Kulħadd jemminha din lit-Times alleati tal-Gvern!

Qal li hemm konfoffa, ħadma waħda li minnha se jgawdi Joseph Muscat biex jibqa’ fil-poter.

Sur Kap tal-Oppożizzjoni, jekk hemm konfoffa din hija waħda. Saqsi lil ‘sħabek stess.

Ta’ QabelLi Jmiss
Nigel Vella huwa Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Gradwat mill-Università ta’ Malta fl-Istorja u ilu attiv fil-politika minn mindu kellu 16–il sena. Ħadem f’bosta Għaqdiet bħall-FŻL u l-għaqda tal-istudenti PULSE. Kitbitu se tmur lil’ hinn mill-politika li zgur ser tkun it-tema li tiddomina l-blog tiegħu, iżda permezz tal-kliem sempliċi jridu jitwasslu opinjonijiet oħra fuq materji oħra. Li hu zgur huwa li mhux se jkun hemm tidwir mal-lewża u logħob bil-bżalu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend