Uffiċjali tal-Pulizija ppremjati wara li salvaw diversi persuni milli jwettqu suwiċidju – One News

Uffiċjali tal-Pulizija ppremjati wara li salvaw diversi persuni milli jwettqu suwiċidju

Il-Ħadd filgħodu saret iċ-ċerimonja tal-għoti taċ-ċertifikati lill-pulizija li l-imġieba tagħhom iddistingwiethom waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

Spikkaw in-numru ta’ pulizija, anke off duty li għenu persuni li sabu rwieħhom f’mumenti diffiċli fosthom dawk li jkunu se jikkomettu suwiċidju.

Rikonoxximent ieħor kien għall-kuntistabbli Simon Schembri li fl-elfejn u tmintax kien qiegħed f’xifer il-mewt wara li ttajjar minn karozza waqt il-qadi ta’ dmirijietu. Schembri irċieva l-unur tal-Uffiċjal tas-Sena li ingħata għall-kuraġġ li wera waqt iż-żminijiet diffiċli li għadda minnhom.

Il-Kummissarju tal-Pulizija, Lawrence Cutajar, fisser kif ċerimonja bħal din timlieh b’sodisfazzjon, b’mod speċjali wara li s-sena li għaddiet saru tibdiliet storiċi għall-korp tal-pulizija, fosthom il-ftehim settorali ġdid bi qbil minn kull stakeholder.

Il-Ministru Michael Farrugia fisser kif ir-rata ta’ kriminalità naqqset bi tmintax fil-mija meta mqabbel mas-sena ta’ qabel:

“Il-Korp tal-Pulizija rnexxielu jkisser ħafna mir-racket il-kbir li kien hawn fejn jidħol il-pick-pocketing, dawk iwasslu għal fiduċja fil-Korp. Naħseb il-poplu Malti u Għawdxi rrikonoxxa wkoll il-periklu li jgħaddi mill-Korp tal-Pulizija”.

Huwa qal li s-sena 2018 kienet strumentali għall-korp u fisser kif żdiedet il-fiduċja fil-pulizija mill-Maltin, b’żieda ta’ 68%:

“Għalija l-istatistika tfisser li hija benchmark, hija benchmark mhux biex tiftaħar x’għandek biex inkomplu naċċertaw li jkun hemm fiduċja akbar tal-poplu Malti u Għawdxi fil-Korp tal-Pulizija bil-ħidma u t-teknoloġija li se nkunu qed inkomplu ndaħħlu fil-ġlieda kontra l-kriminalità”.

Intant, is-sena li għaddiet il-korp tal-pulizija għadda minn taħriġ dwar każijiet ta’ vjolenza domestika. Taħriġ li fi kliem il-ministru għandu jissokta:

“Nemmen li l-Korp tal-Pulizija kollu kemm hu għandu jingħata ferm aktar taħriġ matul is-snin, ikun hemm taħriġ per eżempju li sar matul is-sena li għaddiet li kienet rigward il-vjolenza domestika”.

Fuq kollox intqal li l-fiduċja fil-pulizja tirrifletti x-xogħol siewi li jagħmlu fil-komunità biex iċ-ċittadin Malti jkun dejjem aktar sigur.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend