Chris Portelli ta d-demm 48 darba – One News

Chris Portelli ta d-demm 48 darba

Fi knisja mbullata bin-nies ingħatat l-aħħar tislima lil Chris Portelli, iż-Żabbari nhar l-ewwel tas-sena tilef ħajtu, wara li l-għada tal-Milied waqa’ ogħli ta’ ħames filati minn fuq sellum fl-Impjant ta’ Delimara.

Portelli kellu ħamsa u erbgħin sena u kien missier ta’ żewġt itfal. Ir-rispett li kien igawdi Chris kien evidenti fil-funeral tiegħu li sar fil-knisja tal-Madonna tal-Grazzja f’Ħaż Żabbar. Filfatt fil-funeral ipparteċipaw ukoll l-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel flimkien mal-Fratellanza ta’ San Mikiel, li tagħha kien jagħmel parti.

Fr. Hayden Williams li qaddes il-quddiesa tal-funeral, qal li dan kien it-tieni inċident gravi ta’ Portelli. Innota kif ħajjet Chris kienet inbidlet wara l-ewwel inċident bil-karozza li ddeskriva bħala miraklu għal fatt li ibnu Michele ma kienx miegħu waqt l-inċident. Dan għaliex l-impatt seħħ fil-parti fejn is-soltu jpoġġi Michele.

Quinton Scerri President tal-istess Banda sellem lil Portelli permezz tal-memorji li għandu tiegħu.

“Chris kien persuna li dejjem tarah jitbissem u qatt ma tisimgħu jgerger jew jgħid kontra xi ħadd. Kien dejjem bi tbissima u dejjem lest biex jgħin. Persuna li fi ħsibijiet kien dejjem iżomm lil Madonna tal-Grazzja.”

Fl-omelija Fr. Haydon Williams iddeskriva lil Chris bħala ferħan għax kellu lil Kristu fiċ-ċentru ta’ ħajtu. Bħala ħabib personali ta’ Portelli, Fr. Williams qal kif sa jumejn qabel il-Milied jiġifieri ftit qabel l-inċident kienu flimkien janalizzaw il-kelma ta’ Alla li ta’ kuljum Portelli kien jaqra.

Jorge Grech mill-Fratellanza ta’ San Mikiel spjegalna lil Portelli bħala eżemplari.

“Chris huwa wieħed mill-membri tal-Fratellanza l-aktar dedikati li għandna fil-Fratellanza, filfatt dejjem ra kif jidħu izjed nies, dejjem inkoragixxa izjed nies. Se nibqgħu niftakruh għat-tbissima u għal mod kif kien jiccajta miegħu u fl-istess ħin jgħadilu ħsieb jew tgħallima.”

Fr. Williams, żvela kif Chris Portelli ta’ d-demm 48 darba. B’rispett lejn Portelli, l-Banda San Mikiel  ħassret il-marċ tradizzjonali tal-bidu tas-sena nhar il-Ħadd.

Ta’ QabelLi Jmiss