ARA: Bint emigrant Malti maħtura beata mill-Papa Franġisku – One News

Notifiki

ARA: Bint emigrant Malti maħtura beata mill-Papa Franġisku

Angèle-Marie Littlejohn, soru ta’ demm Għargħuri u bint emigrant Malti fit-Tuneżija, ġiet iddikjarata Beata mill-Papa Franġisku fil-bidu ta’ Diċembru li għadda.

Is-soru, li twieled fil-belt Kapitali tat-Tuneżija, kienet ilha 35 sena tgħix l-Alġerija, meta flimkien ma’ soru oħra nqatlu waqt li kienu għadhom kif semgħu quddiesa.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Monsinjur Philip Calleja li għamel ir-riċerka dwar is-soru u r-rabta tagħha ma’ Malta, irriżulta li s-soru kienet bint emigrant Malti li tgħammed f’Ħal Għargħur. Monsinjur Philip Calleja qal li wara Dun Vincent Sicluna, iben Vincente minn Ħal Għaxaq, is-soru hija t-tieni beata wild emigranti Malti. Qal li huwa unur li l-emigranti Maltin baqgħu jgħożżu l-fidi tagħhom minkejja li jkunu ħallew art twelidhom.

“Huwa ta’ unur għalina li l-emigranti Maltin, meta siefru minn Malta mhux biss baqgħu biex ngħid hekk jgħixu ta’ Nsara imma pparteċipaw, saru parti mill-Knisja lokali.”

William Littlejohn, missier is-soru Angèle-Marie Littlejohn, emigra lejn it-Tuneżija fl-1921.

Is-Sur Joe Scerri, Uffiċjal fl-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta, semma li f’dawk is-snin kienu bosta l-Maltin li emigraw lejn it-Tuneżija.

Il-Kappillan ta’ Ħal Għargħur, Dun Christopher Galea, ikkonferma li missier is-soru beata tgħammed fil-Parrocca tiegħu u ismu jinsab fir-Reġistru tal-Magħmudija tas-sena 1900.

Huwa esprima s-sodisfazzjon tiegħu li bint parruċċan minn Ħal Għargħur wassalha biex tkun ikkonfermata beata.

“U anke l-istess ħajja Nisranija jgħixuha fuq il-valuri li din is-soru ħaddnet u fl-istess ħin għall-istess valuri tagħha sofriet il-martirju, wara kollox għal Kristu wkoll”.

Huwa qal li r-raħal ta’ Ħal Għargħur se jiċċelebra din il-beatifikazzjoni b’quddiesa ta’ radd il-ħajr f’nofs Jannar.

Stephen Axisa, rappreżentat tal-Aid to the Church in Need Malta, qal li nħareġ ktejjeb b’rabta mal-martri li mietu għall-fidi tagħhom, li jinkludi lis-soru Angèle-Marie.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend