“L-istaġjonalità li kellna sa ftit tas-snin ilu ingħelbet”- Tony Zahra – One News

Notifiki

“L-istaġjonalità li kellna sa ftit tas-snin ilu ingħelbet”- Tony Zahra

Il-lukandi u r-ristoranti f’Malta u Għawdex irrapportaw żieda fl-okkupanza tul iż-żminijiet tal-Milied u l-ewwel tas-sena. Dan fi żmien fejn it-turiżmu baqa’ f’livelli tajbin ħafna, filwaqt li ħafna Maltin għażlu li jiċċelebraw waħda jekk mhux iż-żewġ festi ‘l barra minn darhom.

Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Lukandiera u r-Ristoranti, Tony Zahra, ikkonferma ma’ ONE News li l-Milied kien bieżel iżjed mill-ewwel tas-sena f’Malta:

“Diffiċli biex tagħmel assessment daqshekk malajr imma naħseb li l-Christmas kien daqxejn aħjar dis-sena”.

Meta mistoqsi dwar x’wassal biex jogħla l-livell ta’ negozju meta mqabbel ma’ snin preċedenti, is-Sur Zahra qal li t-temp għen ukoll:

“Il-lukandi rraportaw li kellhom occupancy tajba u r-ristoranti ukoll kellhom kokorrenza tajba. It-temp għen ħafna għax it-temp kien tajjeb ħafna u allura kellna ħafna iktar nies li tħajru li joħorġu milli kellna fis-snin ta’ qabel”.

Is-sur Zahra qal ukoll li ż-żieda ta’ titjiriet lejn Malta kienet raġuni prinċipali oħra li wasslet biex f’dan iż-żmien żdiedet l-okkupanza u naqset il-problema tal-istaġjonalità:

“Ir-raġuni għaliex naqset ħafna hi li n-numru ta’ ajruplani li ġejjin hawnhekk u n-numru ta’ siġġijiet li jkunu available fuq is-suq dejjem qed jiżdied fix-xitwa, u allura l-istagjonalità li kellna ftit tas-snin ilu ingħelbet, mhux għal kollox, jibqalna ftit spazju f’Jannar u Frar li rridu nagħmlu effort kbir biex nimlewh”.

Fin-naħa l-oħra tal-fliegu, is-sitwazzjoni jidher li kienet iżjed bieżla propju fl-aħħar tas-sena.

Tradizzjonalment ħafna nies jerħula lejn it-tliet għoljiet għall-aħħar jiem tas-sena. Għen ukoll il-fatt li s-sena l-ġdida ġiet wara tmiem il-ġimgħa u għalhekk in-nies setgħu jtawlu l-btala tagħhom f’Għawdex fl-aħħar jiem tas-sena. Ħaġa li dehret evidenti mis-serbut twil ta’ karozzi lejn il-vapur ta’ Għawdex.

Il-President tal-Assoċjazzjoni għat-Turiżmu f’Għawdex Joe Muscat qal li anka l-attivitajiet fir-Rabat Għawdex fl-aħħar lejl tas-sena servew biex jiġbdu n-nies:

“Fl-aħħar tas-sena kien l-aktar perjodu busy u dan huwa għal fatt li f’Għawdex fl-aħħar tas-sena, fil-Belt Vittorja ġiet organizzata serata biex il-viżitaturi setgħu iqattgħu l-aħħar tas-sena u t-tokki ta’ nofs il-lejl u jilqgħu sena ġdida flimkien”.

Dan iż-żmien serva wkoll biex juri s-saħħa ta’ turiżmu mill-Maltin li minflok iżuru pajjiż ieħor, iħallu l-flus fl-ekonomija nazzjonali filwaqt li jieħdu btala fl-istess ħin:

“Huwa magħruf li l-barranin iqattgħu f’Għawdex kważi sitt iljieli filwaqt li għalkemm is-suq Malti iqatta’ fostna jumejn, imma s-suq Malti qiegħed magħna s-sena kollha u fattur importanti ieħor kemm għall-ekonomija Għawdxija kif ukoll l-ekonomija nazzjonali, huwa l-fatt li meta jkollok suq domestiku iffisser li jibqgħu fil-pajjiż, jixxiftjaw minn reġjun għall-ieħor imma dan huwa tajjeb għax jibqgħu fl-ekonomija stess tal-pajjiż”.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend