Il-poplu Malti u Għawdxi jagħti aktar minn €9.9 miljun f’donazzjonijiet waqt maratoni fil-Festi – One News

Notifiki

Il-poplu Malti u Għawdxi jagħti aktar minn €9.9 miljun f’donazzjonijiet waqt maratoni fil-Festi

Il-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena għal darb’oħra ħarġu fid-deher il-ġenerożità kbira tal-poplu Malti u Għawdxi. Fuq medda ta’ ftit anqas minn erba’ ġimgħat bejn id-9 ta’ Diċembru u l-1 ta’ Jannar, ingħataw kważi €9.9 miljun f’għadd ta’ maratoni li ttellgħu għall-karità u għall-partiti poltiċi. Dan ifisser li meta mqabbel mal-kampanji li saru fl-2017, inġabru aktar minn €1.3 miljun.

Fil-fatt minn ċifri li żamm ONE News jirriżulta li l-ammont ta’ flus li nġabru f’dawn l-aħħar ġimgħat kien l-ogħla li qatt inġabar f’pajjiżna f’dawn iż-żminijiet ta’ festi.

Bħal kull sena, l-akbar ġabra u wirja ta’ solidarjetà saret waqt il-maratona televiżva tal-Istrina l-għada tal-Milied b’risq il-Malta Community Chest Fund. Matul din il-maratona nġabret is-somma rekord ta’ aktar minn €7,134,000. Meta mqabbel mal-Istrina li saret fl-elfejn u sbatax, jirriżulta li nġabru aktar minn €1,085,268. Fondi li jmorru biex jagħmlu tajjeb għall-bosta persuni b’mard ta’ kanċer u oħrajn vulnerabbli fis-soċjetà.

Inizjattiva oħra li wasslet għall-ġabra rekord kienet dik tad-Dar tal-Providenza li ttellgħet fl-ewwel jum tas-sena. Matul din il-maratona nġabret is-somma rekord ta’ €1,275,000. Ammont li kien jisboq dak tas-sena li għaddiet b’aktar minn €20,000.

Fl-ewwel ġimgħat ta’ Diċembru, iż-żewġ partiti politiċi tellgħu ukoll il-maratoni tagħhom bil-Partit Laburista jiġbor somma rekord ta’ aktar minn €803,000, li kienet tfisser ukoll żieda ta’ aktar minn €190,000 meta mqabbel mal-ġabra annwali li saret f’Diċembru tas-sena 2017.

Fl-istess żmien li l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia ħareġ jgħid li eluf ta’ nies m’għandhomx biex jieħdu pizza u biex jixtru par żarbun, il-Partit Nazzjonalista ġabar somma li sejħilha rekord, meta qal li ġabar ftit aktar minn €670,000.

Dan ifisser li ras għal ras matul dawn l-erba’ ġimgħat, il-poplu Malti u Għawdxi ta ftit aktar minn €22, żieda ta’ €3 r-ras meta mqabbel mal-inizjattivi li saru matul l-2017 u bidu tal-2018.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend