Il-Gvern se jinvesti €23 miljun għat-tisħiħ fil-qasam tal-persuni b’diżabilità – One News

Notifiki

Il-Gvern se jinvesti €23 miljun għat-tisħiħ fil-qasam tal-persuni b’diżabilità

Mill-bidu ta’ Jannar daħlu fis-seħħ għadd ta’ miżuri li tħabbru fil-Budget għal din is-sena li se jkomplu jtejbu l-livell tal-għajxien tal-persuni b’diżabilità.

B’investiment ta’ €23 miljun, jiġifieri €4 miljun aktar mis-sena l-oħra, il-Gvern se jkompli jwettaq fażi oħra tar-riforma fl-Assistenza għall-Persuni b’Diżabilità.

L-ewwel miżura li se tidħol fis-seħħ hi ż-żieda fil-benefiċċji li se tingħata lill-persuni b’diżabilità li daħlu fid-dinja tax-xogħol u anke l-persuni b’diżabilità severa u li assolutament ma jistgħux jaħdmu. Dan il-benefiċċju se jiżdied minn €140 għal €150 fil-ġimgħa. Minbarra hekk l-iskema se tiġi estiża għal 600 persuna oħra.

F’kummenti ma’ ONE News, is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis, ħabbar li matul din is-sena l-Gvern se jkompli jsaħħaħ l-infrastruttura tal-postijiet għall-persuni b’diżabilità, fuq quddiem il-proġett ta’ dar Vajrità f’Wied il-Għajn li se titwaqqa’ u tinbena mill-ġdid fi żmien erba’ snin b’investiment ta’ €3 miljun.

“Se nsaħħu l-proġett Vajrità, għaliex dan il-proġett kien ilu ġej u din is-sena se nibdew t-twaqqigħ u t-tisħiħ ta’ dan il-proġett, proġett li hu parti mill-Proġett Soċjetà Ġusta. Se niftħu dalwaqt diversi djar oħrajn fil-komunità biex persuni b’diżabilità li jkunu jixtiequ jagħmlu independent living ma joqogħdux jistennew lill-maħbubin tagħhom jew lill-carers tagħhom li ma jkunux jistgħu jieħdu ħsiebhom”.

Miżura oħra importanti li se tidħol fis-seħħ din is-sena hi s-servizz il-ġdid ta’ respite li l-Gvern, bi ftehim mal-privat, se jagħti lil madwar 1,000 familja li għandhom lil xi ħadd b’diżabilità severa. Servizz li se jservi ta’ spalla għall-ġenituri biex jieħdu ftit ħin ta’ mistrieħ:

“Irridu lill-familjari tagħna jibqgħu b’saħħithom, il-maħbubin u carers jibqgħu b’saħħithom, u għalhekk il-gvern ta dan is-servizz, għalhekk il-gvern qiegħed jinvesti mal-miljun ewro biex jagħti dan is-servizz għax nemmnu li l-familjari u carers għandhom bżonn il-mistrieħ tagħhom ukoll”.

Fost miżuri oħra li se jidħlu fis-seħħ insibu wkoll it-tisħiħ u taħriġ li ser jingħata lill-carers, għax dawn huma sors importanti biex jagħtu servizzi mill-aħjar.

Miżura oħra importanti hi ż-żieda fil-benefiċċju għat-tfal b’diżabilità li mis-sena 2014 telgħet għal €25 fil-ġimgħa u li minnha se jgawdu 1,400 tifel u tifla b’diżabilità u l-familiji tagħhom.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend