Ibda s-sena b’ġest nobbli- għin lid-Dar tal-Providenza waqt il-Festa ta’ Ġenerożità! – One News

Notifiki

Ibda s-sena b’ġest nobbli- għin lid-Dar tal-Providenza waqt il-Festa ta’ Ġenerożità!

L-ewwel jum tas-sena kien iddedikat għall-Festa ta’ Ġenerożità, maratona ta’ 15-il siegħa fejn matulha jinġabru fondi b’risq ir-residenti tad-Dar tal-Providenza. Preżentament din id-dar tospita 115-il resident li għandhom bżonn għajnuna kif ukoll attenzjoni speċjali, u fl-istess waqt hija ħajt ta’ kenn għall membri tal-familja ta’ dawn ir-residenti. 

Il-maratona bdiet fid-09:00 tat-Tlieta filgħodu b’quddiesa ċċelebrata mill-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna fil-kappella tal-istess Dar fis-Siġġiewi.  Wara l-quddiesa, l-Arċisqof iltaqa’ mal-voluntiera kif ukoll ma’ dawk kollha li attendew għal din il-maratona.

Ma’ ONE News, Fr Martin Micallef, li huwa d-Direttur tad-Dar tal-Providenza, spjega kif mid-donazzjonijiet li jinġabru, dawn ir-residenti jkunu qegħdin igawdu mill-aħjar kura u servizzi li għandhom bżonn:

“Aħna noffru servizzi residenzjali lil persuni b’diżabilità. Din is-sena għandna mal-115-il persuna li jgħixu fi djar differenti tagħna. Id-donazzjonijiet li se jkunu qed jingħataw se jmorru biex inwieġbu għall-bzonnijiet partikolari ta’ dawn il-persuni.  Għalhekk inħeġġeġ lill-poplu Malti u Għawdxi biex ikun ġeneruz magħna, biex inkomlu nagħtu l-aħjar lil dawn il-persuni”.

Fost l-eluf ta’ persuni li wieġbu għas-sejħa, kien hemm il-Partit Laburista b’donazzjoni ta’ elf ewro b’risq dawn il-persuni li sabu l-għajnuna meħtieġa grazzi għal din id-dar li ġiet imwaqfa minn Monsinjur Mikiel Azzopardi li tat lilhom u lil familja tagħhom tama ġdida.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend