Tweġġax lilek innifsek jew lil dawk li jħobbuk; tixrobx u ssuq illejla | One News

Notifiki

Tweġġax lilek innifsek jew lil dawk li jħobbuk; tixrobx u ssuq illejla

Illejla b’mod partikolari, bosta jaraw fejn se jmorru jiċċelebraw it-tmiem ta’ sena oħra u l-bidu ta’ kapitlu ġdid tal-ħajja. Illejla bosta jisimgħu il-frażi “suq bilmod” jew “tixrobx u ssuq” qabel ma nitilqu ‘l barra mid-dar biex ingawdu dan il-lejl emozzjonali mal-għeżież tagħna.

Veru, malli nisimgħu dawn il-frażijiet, jew neqilbu għajnejna, jew ma nagħtuhomx widen. Kull sewwieq għandu d-dmir ikun jaf li l-limitu legali għal-livell ta’ alkoħol massimu fid-demm waqt is-sewqan f’Malta huwa ta’ 0.08g. Iżda bosta sewwieqa jaħsbu li jekk ma tixrobx aktar minn dan il-limitu, allura ma jkunux f’periklu.

Kemm sejrin żbaljati. L-anqas grokk jew tazza nbid taffettwa kif aħnan irraġunaw u kif insuqu. Fosthom, kif nikkalkulaw id-distanza ta’ bejn karozza u oħra waqt li nkunu qed insuqu. Jekk nixorbu u nsuqu, hemm ċans kbir li jekk jinqalalna xi ħaġa fit-triq, indumu aktar biex nirreaġixxu. Dan biex ma nsemmux il-kunfidenza li wieħed ikollu meta jixrob dik in-naqra żejda u jfettillu jsuq.

Mhux bi ħsiebni nagħmel xi prietka dwar ix-xorb u s-sewqan. Ċerta li smajtu ħafna. Iżda aħna fid-dmir li nwissu lil ħutna dwar il-perikli li jistgħu jaffaċċjaw jekk, b’mod partikolari llejla, jixorbu u jsuqu.

Illum hawn ħafna mezzi alternattivi. Huwa faċli li jekk sejjer xi festin partikolari ma’ grupp ta’ ħbieb, torganizzaw trasport privat bejnietkom minflok issuqu. Kull wieħed u waħda minna għandna niftakru li għandna familja d-dar tistenniena naslu lura qawwijin u sħaħ.

Ejja nieħdu ħsieb tagħna nfusna u lil xulxin, u nibdew billi nirrifjutaw dak il-grokk żejjed jekk ftit tal-ħin wara nafu li rridu nsuqu lura d-dar. Il-festi għandna ngawduhom ukoll billi nibżgħu għalina nfusna u għal xulxin.

one.com.mt jixtieq jawgura lis-segwaċi u l-qarrejja tiegħu tmiem is-sena mill-isbaħ, u s-sena ġdida mimlija ġid u hena.

U aħna wkoll nagħmlu l-appell tagħna biex jekk se ssuqx, tixrobx.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend