Aġġornat bil-filmat: L-Armata ssalva 180 immigrant mill-għarqa | One News

Notifiki

Aġġornat bil-filmat: L-Armata ssalva 180 immigrant mill-għarqa

It-temp kiesaħ ta’ dawn il-jiem xitwin ma żammewx lura l-wasla ta’ 180 immigrant f’Malta. L-immigranti dehru libsin ilbies oħxon u dehru f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba minkejja li l-biċċa l-kbira tagħhom kienu ilhom xi jiem fuq il-baħar bejn sema u ilma fuq dgħajsa tal-injam. 

Stqarrija tal-Armata qalet li l-immigranti ġew salvati matul il-lejl u kmieni t-Tnejn filgħodu f’żewġ każijiet separati.

Fl-ewwel każ, il-lanċa tal-Armata, il-P61 salvat 28 immigrant minn fuq dinghy li kien qed ibaħħar 71 mil nawttiku mil-Lbiċ ta’ Malta.

It-tieni grupp ta’ 152 immigrant ġew salvati minn fuq dgħajsa tal-injam li kienet qed tbaħħar fix-Xlokk ta’Malta.

L-immigranti ddaħħlu f’Xatt it-Tiben għall-ħabta tal-15:40. Fil-preżenza ta’ numru sostanzjali ta’ suldati u pulizija, l-immigranti, in-nisa u t-tfal l-ewwel, tniżżlu l-art u ttellgħu abbord ix-xarabanks tal-pulizija u ttieħdu lejn il-kwartieri ġenerali tal-pulizija fil-Floriana.

Fi tweet, il-Prim Ministru Joseph Muscat faħħar lill-Armata Maltija tal-impenn tagħha, u sostna li Malta taqdi dmirijietha kulll ħin, u kull mument.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend