Ħamsa minn sitt omiċidji li saru fl-2018 ġew solvuti – One News

Notifiki

Ħamsa minn sitt omiċidji li saru fl-2018 ġew solvuti

Matul is-sena 2018, tliet irġiel u erba’ nisa nqatlu f’sitt omiċidji. Tlieta mill-vittmi kienu barranin.

L-ewwel omiċidju tas-sena seħħ fil-15 ta’ Jannar, bil-vittma jkun Walid Salah Abdel Motaleb Mohammed, Eġizzjan ta’ 42 sena. Huwa nqatel b’tir f’idu u ieħor f’għonqu. Il-katavru tiegħu nstabu fi trejqa qrib razzett fl-Għarb. Il-Puliżija mmexxija mill-Ispetturi Keith Arnaud u Bernard Spiteri għadda għaddeja bi tfittxija għas-suspettat ewlieni li x’aktarx ħarab minn Malta sigħat wara d-delitt.

It-tieni omiċidju tas-sena seħħ fl-għodwa tat-Tnejn tal-14 ta’ Mejju meta żewġ Libjani, Ramzi Abdulhafid u Hamza Kamel, allegatament daħlu f’dar u taw xebgħa lil Mahmoud Elmejdi u ħallew mixħut mal-art. Il-vittma miet erbat ijiem wara fl-Isptar Mater Dei. L-Ispetturi Kurt Zahra u Elliot Magri waslu għaż-żewġ akkużati minn filmati elevati minn kameras tas-sigurtà.

It-tielet omiċidju tas-sena ħasad pajjiż. Nhar is-6 ta’ Lulju għal ħabta tal-10:30, is-Serb Bojan Cmelik ta daqqiet ta’ sikkina lill-Imprenditur Hugo Chetcuti. Huwa ġie arrestat dakunhar stess u tressaq l-għada l-Qorti mill-Ispettur Nikolai Sant.
Wara sitt ijiem jiġġieled għal ħajtu fl-Isptar Mater Dei, Hugo miet fit-12 ta’ Lulju fl-għomor ta’ 52 sena. L-investigazzjonijiet b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin hekk kif mhux qed jiġi eskluż li xi terza persuna setgħet ordnat il-qtil ta’ Chetcuti.

Fl-istess xahar, ir-raħal kwiet tal-Għargħur qam bi qtil doppju tal-aħwa Maria Carmela Fenech u Antonia Micallef. Huma nqatlu minn Kevin Micallef ta’ 42 sena, li jiġi iben waħda mill-vittmi. Micallef ta ruħu b’idejh lill-Pulizija dakinhar stess. Huwa qed jinżamm arrestat fl-Isptar Monte Karmeli. L-investigazzjonijiet b’rabta ma’ dan il-każ tmexxew mill-Ispetturi Kurt Zahra u Elton Taliana.

Il-ħames omiċidju tas-sena kien dak tal-Olandiża Shannon Mak, li allegatament inqatlet mill-eks maħbub tagħha Jelle Rijpma ta’ 22 sena, wara li ħanxrilha għonqha. Il-każ seħħ il-Ġimgħa 3 ta’ Awwissu.  Mak u Rjipma kienu għadhom kif temmew ir-relazzjoni ta’ bejniethom. Il-Pulizija mmexxija mill-Ispetturi Kurt Zahra u Robert Vella waslu għall-akkużat fi ftit sigħat u xlewh bil-qtil tal- Olandiża li kienet ilha snin taħdem f’Malta f’kumpanija tal-gaming.

Is-sitt  u l-aħħar omiċidju seħħ fil-15 ta’ Settembru f’Raħal Ġdid, meta Michael Emanuel ta’ 25 sena mill-Kosta tal-Avorju allegatament faga lis-sieħba tiegħu Maria Lourdes Agius ta’ 33 sena, omm ta’ sebat itfal. Kien l-aggressur stess li mar jirrapporta l-għassa li l-vittma ma setgħetx tqum. Il-Pulizija mmexxija mill-Ispetturi James Grech u Sarah Zerafa qisu din is-sejba bħala waħda suspettuża abbażi ta’ rapport ta’ vjolenza domestika. Emmanuel ġie arrestat wara li mill-awtopsja rriżulta li l-mara mietet fgata.

Intant, matul is-sena kien hemm ukoll żewġ attentati ta’ qtil permezz ta’ bomba. L-ewwel attentat seħħ fl-4 ta’ Jannar u kellu l-għan li joqtol lin-negozjant Mario Scicluna u s-sieħba tiegħu. B’rabta ma’ dan il-każ, il-Pulizija ressqet il-qorti tliet persuni u xliethom li qiegħdu bomba mal-karozza ta’ Scicluna.

It-tieni attentat sar fuq il-ħajja ta’ Kevin Ellul magħruf bħala d-double Zerfo f’razzett fil-Għargħur. Il-każ seħħ fit-23 ta’ Mejju meta splużjoni kbira heżżet ir-razzett ta’ Ellul.

L-investigazzjonijiet b’rabta ma’dawn iż-żewġ każijiet qed jitmexxew mill-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra rispettivament mill-Iskwadra tal-Omiċidji.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend