18-il vittma f’17-il inċident tat-traffiku tul l-2018 – One News

Notifiki

18-il vittma f’17-il inċident tat-traffiku tul l-2018

Fis-sena 2018, it-toroq Maltin ħallew 18-il vittma fi 17-il inċident tat-traffiku, bi tmienja minnhom involvew mutur.

Din is-sena rat żieda fl-inċidenti fatali bil-mutur meta mqabbel mas-sena l-oħra. B’kollox, mietu sitt sewwieqa u passiġġiera.

L-ewwel żewġ inċidenti fatali bil-mutur seħħew f’Marzu, jum ‘il bogħod minn xulxin li inċidentalment seħħew ukoll fl-istess triq. L-aħħar inċident iseħħ fl-aħħar jiem tas-sena fi Triq Ħal-Qormi f’Ħal-Luqa.

Tul din is-sena tilfu ħajjithom ukoll sitt xufiera ta’ karozzi, filwaqt li f’inċident ieħor mietet passiġġiera li kienet qed takkumpanja lix-xufier.

Din is-sena rajna wkoll wieħed mill-akbar inċidenti tat-traffiku li qatt seħħ f’pajjiżna. F’dan l-inċident, tilfu ħajithom żewġ persuni, u aktar minn 30 persuna oħra sfaw midruba, uħud minnhom serjament.

Dan l-inċident seħħ fid-9 t’April li għadda meta double-decker tat-turisti kellha impatt qawwi ma’ fergħa ta’ siġra fit-triq li twasslek għaż-Żurrieq.

Din is-sena tilfu ħajjithom wkoll żewġ persuni li ttajru waqt li kienu qed jaqsmu t-triq, kif ukoll ittajjar ċiklist li kien għaddej mill-Kappara.

Dan kien l-unika inċident fatali li involva ċiklist, madankollu kien hemm numru ta’ inċidenti oħrajn li ħallew numru ta’ persuni feruti.

S’issa, anke grazzi għall-kampanja ta’ għarfien favur is-sewqan responsabbli, f’dawn iż-żminijiet ta’ festi  l-inċidenti tat-traffiku raw tnaqqis drastiku.

Sakemm sal-aħħar tas-sena l-istatistika ma tinbidilx, it-toroq Maltin se jkunu ħallew vittma anqas mis-sena 2017.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend