Tfajla ta' dixxendenza Maltija tmut qabel btala tal-Milied mal-maħbub tagħha fl-Awstralja | One News

Notifiki

Tfajla ta’ dixxendenza Maltija tmut qabel btala tal-Milied mal-maħbub tagħha fl-Awstralja

Casey Mallia ta’ 19-il sena ta’ dixxendenza Maltija u li kienet tgħix f’Sydney, l-Awstralja, tilfet ħajjitha traġikament f’inċident tat-traffiku fl-Awstralja, propju meta kienet fi triqitha lejn btala tal-Milied mal-maħbub tagħha, ukoll ta’ dixxendenza Maltija.

Rapporti fil-midja awstraljana qalu li t-tfajla nqalbet bil-karozza tal-għamla Toyota Hilux fi Sturt Highway f’News South Wales, sigħat biss wara li hi u l-għarus tagħha bdew dak li kien l-aħħar vjaġġ ta’ ħajjitha f’din id-dinja.

Il-karozza kienet qed tinstab minn Matthew Agius, il-maħbub tal-vittma li għadu qed jissielet għal ħajtu fi sptar ewlieni f’Canberra. Huma telqu bil-vjaġġ tagħhom is-Sibt filgħodu minn Sydney biex jibdew btala fuq dgħajsa fl-Awstralja.

L-inċident traġiku seħħ għall-ħabta tas-06:15am ħin tal-post, bil-pulizija u paramediċi wettqu operazzjoni delikata ferm minħabba li Mallia u Agius kienu maqbuda fil-karozza, u kellhom jittieħdu l-isptar b’ħelikopter.

Casey Mallia tilfet il-battalja mal-mewt il-Ħadd filgħaxija fit-taqsima tal-kura intensiva, filwaqt li Matthew Agius għadu f’qagħda kritika.

Qraba ta’ Mallia li tkellmu mal-midja Awstraljana qalu li t-tfajla kellha qalbha tad-deheb, u kienet dejjem bi tbissima fuq wiċċha grazzi għal Matthew, l-imħabba ta’ ħajjitha.

Spjegaw ukoll kif il-ħolma tat-tfajla kienet li xi darba jkollha xogħol mat-tfal, u kif id-dawl t’għajnejha kienet Bella, in-neputija tagħha ta’ sentejn, li issa, skont oħt il-vittma, se tħoss nuqqas kbir meta tiġi biex tfittex liz-zija tagħha biex tilgħab magħha.

Qrabatha f’Malta sellmulha b’diversi messaġġi fuq il-midja soċjali, fejn fost oħrajn iddeskrivawha bħala “anġlu fil-ġenna”.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend