“L-imħabba ta’ ħajti ntilef għal kollox”- il-maħbuba ta’ Nolan Farrugia – One News

Notifiki

“L-imħabba ta’ ħajti ntilef għal kollox”- il-maħbuba ta’ Nolan Farrugia

Dan hu Nolan Farrugia. Iż-żagħżugħ ta’ 21 sena mis-Siġġiewi li sfortunatament ltaqa’ bla ħsieb mal-mewt f’inċident tat-traffiku li seħħ għall-ħabta tal-10:15 fi Triq Ħal Qormi, f’Ħal Luqa, tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod mill-uffiċċji tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.

Xhieda fuq il-post qalu lil ONE News li Farrugia lanqas kien ilu xahar li kiseb il-liċenzja tal-mutur li swielu ħajtu. Qalu li ż-żagħżugħ ħabat mal-ġenb ta’ trakk hu u tiegħla minn Ħal Qormi lejn Ħal Luqa.

Qalu li mad-daqqa, il-vittma tkaxkar bil-mutur tal-għamla Kymco Agility u jidher li spiċċa taħt it-trakk li kien qed jinstaq fl-istess direzzjoni minn raġel ta’ 56 sena minn Ħal Għaxaq.

Mad-daqqa, il-vittma tkaxkar għal bosta metri qabel ma spiċċa taħt il-bankina u l-mutur fuq il-bankina jistrieħ mal-ħajt.

Xufier ta’ karozza tal-linja li kien nieżel bit-trakk fil-ħin tal-inċident waqaf u nieżel sabiex jagħti l-ewwel għajnuna.

Fuq il-post issejħet ambulanza u ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu lill-vittma. Madankollu żagħżugħ miet mad-daqqa u ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.

Kawża tal-inċident is-sewwieq tat-trakk deher maħsud u kellu jingħata l-għajnuna għall-qatgħa kbira li kellu fuqu.

Iż-żewġ karreġġjati tat-triq ingħalqu għal madwar ħames sigħat sakemm il-Pulizija għamel l-istħarriġ tagħha. Tul il-ħin li għamilna fuq il-post spikka s-silenzju li nkiser biss mal-wasla tal-qraba u l-ħbieb tal-vittma li bkew it-telfa ta’ Nolan.

Dwar il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella, waqt li l-pulizija għadha qed tinvestiga l-każ.

Intant mal-aħbar tal-mewt tiegħu, bosta ħbieb u kollegi tal-vittma ħallew il-ħsibijiet u l-messaġġi ta’ sogħba tagħhom fuq il-midja soċjali.

Fost il-messaġġi, ħbieb qrib il-vittma għamlu referenza għaż-żmien sabiħ ta’ tfulithom flimkien ma’ Farrugia meta kienu jattendu l-mużew u saħansittra anke bħala abbatini fil-parroċċa tas-Siġġiewi.

Is-sidien tal-istabbiliment tal-ikel li fih kien jaħdem il-vittma għalqu l-bibien tar-restorant tagħhom b’sinjal ta’ rispett lejn il-vittma. Sarah Grech, kollega fuq il-post tax-xogħol ta’ Nolan għal dawn l-aħħar erba’ snin qalet li għadha tiftakar l-ewwel jum ta’ ħidma tagħhom flimkien u li l-post tax-xogħol mhux se jibqa’ l-istess mingħajru. Sostniet li mhi se tinsih qatt li bħala ħabib u lanqas bħala kollega.

Dan huwa tmien inċident fatali b’mutur tas-sena. B’dan l-inċident telgħu għal 18-il vittma ta’ inċidenti tat-traffiku fit-toroq Maltin għal din is-sena.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend