Apparat ġdid fil-Belt Valletta kapaċi jsalva persuni b'attakk tal-qalb | One News

Notifiki

Apparat ġdid fil-Belt Valletta kapaċi jsalva persuni b’attakk tal-qalb

Defibrillator huwa apparat żgħir li għandu potenzjal kbir għax jista’ jsalva ħajja ta’ bniedem. Għal dan il-għan, ġew installati l-ewwel sitta minn tmien defibrillators f’diversi mkejjen madwar il-Belt, li saret l-ewwel lokalità f’Malta li toffri dan is-servizz mediku.

Permezz ta’ dan it-tagħmir żgħir persuni li jbatu b’mard tal-qalb jew isibu ruħhom bejn ħajja u mewt se jkunu jistgħu jingħataw l-għajnuna mill-ewwel. F’każ li persuna jagħtiha attakk tal-qalb, titqabbad din il-magna li permezz ta’ xokkijiet tista’ tkun kruċjali biex issalva l-ħajja.

Dan is-servizz ġie inawgurat mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne flimkien mas-Segretarju Parlamentari Deo Debattista.

Il-Ministru Fearne qal li matul is-sena madwar 200 persuna jsofru attakk tal-qalb u li iktar minn terz tal-imwiet f’Malta huma kkawżati mill-istess kundizzjoni. Fil-fatt, huwa qal li “ħafna minn dawn il-każijiet, jekk ma jintlaħqux mal-ewwel iwasslu għall-imwiet, sfortunatament. Inqas minn 10% ta’ dawn il-pazjenti isalvaw. Jekk ikun hemm dawn id-defibrillators u jintużaw fil-pront, is-survival rate togħla għal kważi 80%.

Dan l-apparat magħruf bħala AED, jew Automated External Defibrillatror, huwa faċli biex jintuża għax għandu wkoll vuċi li tiggwida lil min ikun qed jagħti l-ewwel għajnuna. Madankollu l-Ministru Fearne qal li se ssir kampanja dwar l-użu tagħhom u l-pjan hu li jkunu installati mal-pajjiż kollu.

Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista faħħar dan is-servizz u tenna li b’hekk issa il-Belt Valletta tista’ tissejjaħ wkoll bħala Heart Friendly Capital.

Id-defibrillators ġew installati fid-daħla tal-Belt, f’Marsamxett, quddiem il-bini tal-Parlament, fi Triq San Pawl maġenb Kastilja, fi Triq ir-Repubblika quddiem il-Knisja ta’ San Franġisk u fi triq ir-Teatru l-Qadim. L-aħħar żewġ defibrillaturi se jiġu installati fil-jiem li ġejjin fi Triq id-Dejqa u fi Triq il-Merkanti quddiem is-Suq tal-Belt.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend