Setfiretotherain inaqqax ismu fuq it-trofew tal-Mediterranean Derby | One News

Notifiki

Setfiretotherain inaqqax ismu fuq it-trofew tal-Mediterranean Derby

Fl-aħħar programm ta’ din is-sena l-aktar tiġrija importanti kienet il-prestiġjuża Mediterranean Derby għal żwiemel tal-galopp fuq distanza ta’ 1750m. Din żvolġiet fi tmiem eċitanti hekk kif bi ftit kien il-favorit Setfiretotherain misjuq minn Michael Sultana li naqqax ismu fuq dan it-trofew mill-isbaħ.

Setfiretotherain kien qed jirreġistra t-tielet rebħa konsekuttiva minn daqstant tiġrijiet f’pajjiżna.  Attwalment fit-tieni post kienet spiċċat id-debba Effywind iżda din kienet skwalifikata minħabba li daħlet fit-trakka ta’ ġewwa biex għalhekk kien Beykoz li ingħata t-tieni post u Bognor it-tielet. Il-preżentazzjoni lir-rebbieħa saret minn Charles Gauci għall-isponsor Pulse XL flimkien mac-Chairman tal-Malta Racing Club Edwin Borg.

Fil-programm kien hemm ukoll ħames tiġrijiet tat-trott fuq distanza ta’ 2140m li fihom setaw jipparteċipaw sewwieqa li matul l-2018 ma kienux irreġistraw rebħa. Dik tal-klassi Premier rat it-tieni rebħa konsekuttiva u t-tielet waħda tas-sena għall-favorit Titan du Closet li kien misjuq miż-żagħżugħ Ryan Bartolo fejn għalih din kienet ukoll l-ewwel rebħa. Is-sewwieq Neil Fenech ukoll irnexxielu jirbaħ għall-ewwel darba hekk kif fi Klassi Silver qasam il-linja finali l-ewwel biż-żiemel Volfoni du Plessis li kien qed jirreġistra t-tieni rebħa tiegħu din is-sena.
F’tiġrija oħra tal-Klassi Silver kelna iż-żiemel li daħal fuq quddiem jisfa skwalifikat peress li żbalja fl-aħħar 200m sabiex ir-rebħa tingħata lil Verjak Heulinois misjuq minn sidu James Falzon. Din kienet it-tielet rebħa ta’ l-istaġun għal dan iż-żiemel.
Romina Delceppo Clifton kienet qed issuq għall-ewwel darba u rnexxiela toħroġ rebbieħa biż-żiemel tagħha stess Bad Boy fi Klassi Bronze fejn dan iż-żiemel kien qed jirreġistra t-tielet rebħa tas-sena. It-tiġrija tal-Klassi Copper intrebħet minn All American Class li ħa t-tieni rebħa tas-sena misjuq minn Amabile Ellul.
Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend