Jitlesta r-restawr tal-Loġġja tal-Palju | One News

Notifiki

Jitlesta r-restawr tal-Loġġja tal-Palju

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana inawgurat ix-xogħol ta’ restawr tal-Loġġja tal-Palju fi Triq Ir-Repubblika, ir-Rabat, Għawdex.

Caruana qalet li l-Ministeru għal Għawdex kompla jtejjeb ir-rabtiet b’saħħithom li għandu mal-organizzazzjoni mhux governattiva Wirt Għawdex billi ġie ffirmat ftehim ta’ restawr ta’ diversi siti storiċi biex jerġgħu jingħataw il-glorja wara li kienu abbandunati, u biex jitgawdew mill-pubbliku inġenerali.

“Dan juri l-impenn li għandu l-Ministeru għal Għawdex li nippreservaw il-wirt li ħallew missirijietna u li hu fi dmirna li ngħadduh lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna fl-aħjar stat possibbli”, qalet il-Ministru Caruana. “Din mhix se tkun inizjattiva waħdanija imma ħolqa li tifforma parti minn kullana f’programm ambizzjuż ta’ restawr tal-partimonju Għawdxi”, kompliet Caruana.

“Flimkien ma’ Wirt Għawdex irridu nkomplu naħdmu id f’id biex nidentifikaw aktar siti li jeħtieġu attenzjoni u nagħmlu dan bil-għaqal, bis-sorveljanza u bl-esperjenza li għandhom il-membri ta’ Wirt Għawdex”, għalqet il-Ministru għal Għawdex.

Il-Loġġja tal-Palju, jew kif inhi magħrufa aħjar illum bħala l-Barrakka, inbniet fis-sena 1733 fil-parti ta’ fuq ta’ Triq it-Tiġrija, illum Triq ir-Repubblika, fil-Belt Victoria. Dan kien il-post minn fejn ir-rebbieħ tat-tiġrija taż-żwimel kien jirċievi l-premju—il-palju jew id-damask. Oriġinarjament, il-parti t’isfel biss ta’ din il-binja kienet inbniet u l-parti msaqqfa ta’ fuq ġiet miżjuda matul iż-żmien.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend