BIL-FILMAT: Santa Klaws jappella biex nagħtu d-demm | One News

Notifiki

BIL-FILMAT: Santa Klaws jappella biex nagħtu d-demm

Liebes l-aħmar lewn id-demm u jisħaq fuq l-imħabba li fis-sempliċità tagħha tferraħ u tgħaqqad.

Dak magħruf bħala s-Santa Klaws ta’ Malta mhux biss moħħu biex jieħu r-ritratti maċ-ċkejknin imma anki huwa minn ta’ quddiem biex jappella għall-għoti tad-demm.

“Inti trid tqis li tagħti kemm tagħti rigali, kollha magħmulin tal-plastik, tal-ħġieġ, ta’ xi ħaġa oħra imma x’tista’ tagħti aqwa minn ftit demm? Dak id-demm li qed tagħti tista’ ssalva ħajja. Huwa importanti ħafna li naħsbu li jekk ħaddieħor qed jagħti d-demm għal xi ħadd tal-familja tagħna, għada pitgħada forsi jkun hemm xi ħadd li jagħti d-demm għalina stess. Mela nagħtu d-demm għax l-aqwa rigal li nistgħu nagħtu.”

Mil-kampanja tad-demm, huwa saħaq magħna fuq l-awtentiċità ta’ Santa Klaws li oriġina mill-qaddis u isqof twajjeb, San Nikola.

“Niftaħar li jiena Santa Klaws ta’ Malta għax filfatt, għaxar snin ilu kont id-Danimarka fejn hemm hekk ġejt magħżul bħala l-iżjed awtentiku mis-Santa Klaws tad-dinja kollha.”

Bejn ritratt u ieħor ma’ xi tifel jew tifla li huma ħerqana li jiltaqgħu ma’ dak li jqassmilhom ir-rigali, Santa Klaws kellimna dwar l-ammont ta’ ritratti li jieħu.

“Ikalkulali wieħed mill-photographers tiegħi illi bejn mobile u bejn ir-ritratti l-oħrajn, sintendi mhux kollha jiġu żviluppati jittieħdu ma’ sena madwar… ismaha ta; tletin elf ritratt. Immaġina, tletin elf ritratt fuqi biss. Aħseb u ara fuq dawk kollha li jkun hawn ġewwa Malta u aħseb u ara dawk kollha li jkunu madwar id-dinja, hux veru?”

Dlonk taqbeż is-Sinjura ta’ Santa Klaws li spjegat kif jieħduha n-nies meta jaraw lilha biswit dak bid-daqna u xuxtu bajda.

“Insomma ġeneralment jieħduha tajjeb ħafna, ġieli ssib xi waħda bħal pereżempju llum kellna waħda ma riditx lil Mrs. Klaws ukoll. Allura noħroġ mix-xena imma meta jridu, I’m most happy illi nieħu magħhom.”

Filwaqt li Santa Klaws ikompli jitkellem dwar l-ispirtu tal-Milied, għalaq l-intervista magħna dwar kif iħejji d-dehra li tixraq lil Santa Klaws.

“Id-daqna tiegħi qisni nżommha qisu xi sitt xhur. Bħalissa nkun bdejtha ftit qabel Ġunju u tibqa’ sejra sa ftit wara l-Istrina. Issa jekk Alla jrid inkunu fl-Istrina, malli tgħaddi l-Istrina allura mmorru nqaxxru wkoll, ma jkollniex iżjed id-daqna. Lanqas jagħrfuk in-nies. Tiskanta jibqgħu jagħrfuni, speċjalment minn leħni, jibqgħu jafuni.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend