ARA: L-aħwa Minuri Kapuċċini b'kanzunetta għal Ġesù Tarbija | One News

Notifiki

ARA: L-aħwa Minuri Kapuċċini b’kanzunetta għal Ġesù Tarbija

Bħala Aħwa Minuri Kapuċċini ħriġna video għall-kanzunetta Caro Gesù Bambino (Għażiż Ġesù Tarbija). Dan għamilnieh sabiex ikun il-mod tagħna biex nibgħatu l-awgurju tagħna għal Milied hieni u sena ġdida mimlija barka mingħand il-Mulej.Hekk saħqu l-Patrijiet Minuri Kappuċċini ma’ One.com.mt

Il-kanzunetta jkantaha Br Roderick White OFMCap. Id-daqq tal-pjanu u l-backing vocals huma ta’ Analise Mifsud. Id-daqq tal-vjolin huwa ta’ Br Mark Scicluna OFMCap. Id-daqq tal-perkussjonijiet huma ta’ Analise Mifsud u Mirko Galea. L-arranġament u l-produzzjoni tal-kanzunetta ħa ħsiebu Mirko Galea.

Caro Gesù Bambino hija kanzunetta tal-Milied li oriġinarjament kienet inkitbet għaż-Zecchino d’Oro tal-1960 – it-tieni edizzjoni taż-Zecchino d’Oro. Għalkemm hija kanzunetta oriġinarjament miktuba għat-tfal, din il-kanzunetta sabet il-popolarità tagħha u tindaqq kemm-il darba f’dawn iż-żminijiet tal-Milied. Din il-kanzunetta tkantat minn diversi kantanti famużi fosthom Frankie Avalon u Andrea Bocelli.

Il-verżjoni li qegħdin jipproponu tibda bil-lirika Taljana – inżamm il-kliem oriġinali: talba sempliċi ta’ tfajjel ċkejken, minn familja fqira, li innoċentament qiegħed jistieden lil Ġesù sabiex iħalli s-sema mqar għal darba biss u jinżel ħdejh sabiex jilgħab miegħu u jieħdu gost flimkien. Il-kanzunetta imbagħad taqleb għal-lirika Maltija – fejn tinbidel ankè l-perspettiva. Din id-darba hemm talba minn adult li qiegħed jitlob lil Ġesù tarbija jisma’ l-karba u t-talba li hu qiegħed jagħmel mill-qalb, sabiex jiġi mill-ġdid fid-dinja u jġib miegħU ġid u hena, sliem u paċi, għax mingħajr il-preżenza ta’ Ġesù fid-dinja dawn spiċċaw.

“J’Alla kull wieħed minna, meta jisma’ din il-kanzunetta jew jara l-video tagħna, jerġa’ jiskopri t-tifel ta’ ġo fih, filwaqt li jersaq quddiem Ġesù Tarbija b’qalb mimlija entużjażmu li hi kapaċi wkoll tistgħaġeb għall-opri ta’ Alla. Fl-istess waqt j’Alla wkoll nersqu lejn Ġesù tarbija ta’ kuljum u nitolbuh għall-hena veru u l-paċi veru li jiġu mingħandu biss u f’li tagħmel ir-rieda tiegħu. Bħala Patrijiet Kapuċċini li ninsabu mexjin fuq il-passi ta’ Missierna San Franġisk nawguraw li Ġesù Bambina ma jibqgħax biss tal-ġibs imma kull nisrani jwassal lil Ġesù ħaj għand dawk li huma mwarrbin fis-soċjetà tagħna, għand dawk li qegħdin ibatu minn kull forma ta’ mard, u fil-familji tagħna.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend