L-Inawgurazzjoni tal-Koppla tal-Knisja Arċipretali ta’ Ħal Tarxien – One News

Notifiki

L-Inawgurazzjoni tal-Koppla tal-Knisja Arċipretali ta’ Ħal Tarxien

Il-knisja parrokkjali ta’ Ħal Tarxien inbniet bejn l-1610 u l-1627. Dan skond il-vista pastorali tal-1627 fejn hemm deskrizzjoni tal-knisja. Jidher li fuq l-artal maġġur kien hemm xi forma ta’ koppla.

Lejn nofs is-seklu tmintax il-knisja saritilha bidla radikali u minn bixra rinaxximentali ngħatat dehra aktar barokka kif kienet il-moda. Kabbru l-kor, il-korsija u l-kappelluni u għamluhom jispiċċaw nofs tond. Barra hekk għollew is-saqaf u bnewh bil-cross vaulting u nkurunawh b’koppla ġdida fuq stil barokk. Din għadna ngawduha sal-lum.

F’din il-medda ta’ żmien il-koppla rat l-istorja tinkiteb. Intlaqtet għal aktar minn darba minn sajjetti. Saħansitra ntlaqtet mill-balal ta’ żmien l-imblokk tal-Franċiżi. Fi żmien it-tieni gwerra t-twieqi tagħha ssewwew bil-landi.

Sas-snin ta’ qabel il-gwerra il-koppla minn ġewwa kienet nieqsa minn kull dekorazzjoni. Kellha biss l-iskultura ta’ madwar it-twieqi. Il-kustilji kienu miżbugħin roża u l-fondijiet fejn illum hemm il-pittura miżbugħin ċelesti, skema ta’ kuluri li kienet tinstab fil-knisja kollha. Fl-1948 il-prokuratur tal-knisja, dak iż-żmien Dun Mikiel Vella, ressaq rikors biex il-koppla tiġi dekorat minn ġewwa. Il-pittur Ġanni Vella ġie nkarigat mill-pittura u d-direzzjoni tad-dekorazzjoni. Fl-1949 ġew ippreżentati l-abozzi tal-pittura. Il-proġett ġie approvat mill-kurja u x-xogħol imbeda. Michael Demicoli beda l-iskultura, Giuseppe Barbara ħadem il-pasta. Id-ditta Coleiro ħadet ħsieb l-induratura. Gian Battista Conti, pittur li kien qed jaħdem Għawdex, għamel id-disinn tal-ħġieġ tat-twieqi.

Dawn in-nies flimkien bidlu għal-kollox id-dehra tal-koppla minn ġewwa. Fi Frar tal-1950 il-koppla ġiet inawgurata.

Fl-1986 sar l-ewwel restawr fuq id-dekorazzjoni tal-koppla. Id-direzzjoni ġenerali kienet f’idejn Dun Gino Gauci li ħa ħsieb it-tindif u r-restawr tal-pittura waqt li voluntiera żebgħu u għamlu t-tiswijiet li kien hemm bżonn. Fost dawn kien hemm Renzo Gauci li pitter l-anġli li kien hemm fis-saqaf tal-anterna. Din il-ħaġa, l-mibki Renzo, reġa għamilha fl-2017. Kellha jkun l-aħħar xogħol tiegħu fil-knisja.

Fl-2008 ingħata bidu biex l-iskutella tal-anterna tinbidel għax il-ġebel kien fi stat ħażin ħafna. Wara li nbidel is-saqaf tal-anterna beda x-xogħol ta’ restawr. Din id-darba l-ħsarat kienu sostanzjali. Xi voluntiera, fosthom uħud li kienu diġa ħadmu fl-1986, offrew l-għajunua tagħhom. Din id-darba ix-xogħol ma mexiex ħarir bħal ma kien ġara fl-1986. Meta ngħelbu l-intoppi li nqalgħu numru sabiħ ta’ voluntiera ngħaqdu u offrew sigħat mill-ħin tagħhom biex, barra li sar ix-xogħol kollu li kien hemm bżonn, bħal ma huwa tikħil, tiswija ta’ skultura, żebgħa u nduratura ġew iffrankati eluf ta’ Euro.

Il-kumpanija AGATHA GRIMA CONSERVATORS ġiet fdata bir-restawr tal-pittura. Minbarra tindif minn ħmieġ u verniċetta antika, fejn kien hemm bżonn sar konsolidar tal-ġebla u twaħħil mill-ġdid tat-tila mal-ħitan.

L-Inawgurazzjoni tar-restawr u ridekorazzjni tal-Koppla se jsir nhar l-24 ta’ Diċembru 2018 għall-ħabta ta’ 10:00pm matul il-Velja tal-lejl Qaaddis tal-Milied. Din se tkun inawgurata mit-tfal preżenti li se jiġbdu ħabel wieħed lkoll flimkien u b’hekk wara żmien twil ħafna il-poplu Tarxiniż se jerġa jibda jgawdi din l-opra mill-isbaħ.

Ritratti: Paul Mula

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend