Waħda mill-ftit nisa li jibnu l-presepji – Catherine D’Amato – One News

Notifiki

Waħda mill-ftit nisa li jibnu l-presepji – Catherine D’Amato

“Dan iż-żmien tal-Milied, aktar minn żmien ieħor fost is-sena, ifakkar lil bosta fit-tradizzjonijiet ta’ tfulitna. Fost l-oħrajn ifakkarna fil-purċissjoni bil-bambin u f’kemm-il vers kellna nitgħallmu biex ntellgħu l-biċċa xogħol teatrali anke jekk primittiva tagħna. Ifakkarni fil-ġulbiena li kienet tiżra’ u tħalli fid-dlam ommi. Ifakkarni fil-presepji differenti li konna ta’ kull sena nagħmlu bil-ġebel tal-gagazza jew bil-kartapesta. Illum il-purċissjoni nsegwiha biss u ma nistudja l-ebda linja, il-ġulbiena mhux dejjem ikolli ċans niżraha u l-presepju jibqa’ l-istess wieħed sena wara l-oħra.”

Hekk issostni Catherine D’Amato, mara mill-Qrendi li x-xogħol kreattiv bl-idejn huwa għal qalbha ħafna. Kull sena tagħmel presepju, liema xogħol artistiku mis-sena li għaddiet beda jkun esebit fis-sede tas-Soċjetà Filarmonika Lourdes fil-Qrendi.

Din l-imħabba lejn din l-arti bdiet meta Catherine xtrat sett pasturi u riedet toħloq presepju għalihom. L-ewwel presepju kien jikkonsisti fi ftit koloni u saqaf. Minn dakinhar ma ħarsitx lura għax sena wara sena baqgħet tibni presepju wieħed ikbar mill-ieħor.

Maż-żmien bdiet mhux biss tagħmel il-binja imma wkoll il-pasturi u l-oġġetti kollha li wieħed isib fil-presepju. Hija kompliet tgħid li ‘meta inti tibni il-binja tal-presepju inti f’moħħok irid ikollok kif ħa tagħmel il-pastur. Jien u naħdem nimmaġina kif se naħdem il-pastur, għax il-pastur nagħmlu jien ukoll bid-drapp li hija tradizzjoni li kienet popolari ħafna madwar mitt sena ilu.’

Din is-sena, fl-esebizzjoni fil-Qrendi, wieħed isib it-tħabbira tal-anġlu lil Marija, imbagħad hemm iż-żjara tal-Madonna lil Santa Eliżabetta, l-anġlu jidher lit-tliet rgħajja u ovvjament in-natività li tinkludi lil San Ġużepp, il-Madonna u Ġesù Bambin. Magħhom hemm ukoll il-preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-tempju u l-miġja tal-maġi. B’din tal-aħħar turi lil Ġesù meta kien aktar imfarfar, żjara li mhux normalment narawha fil-Presepju.

Il-Presepju huwa wieħed differenti għaliex jidħol fid-djar tal-familji li għexu f’dik l-epoka u juri dettall dwar dak li kien jiġri f’dak iż-żmien. Ma tarax biss għerien, kif naraw f’ħafna presepji imma dan huwa presepju b’differenza li sar b’ħafna studju u riċerka.

Catherine hija waħda mill-ftit nisa li tibni l-presepji hi. Filfatt din hija arti li normalment nassoċjawha mal-irġiel. Catherine, li anke ħadet sehem f’kompetizzjonijiet, u qed terġgħa tikkompeti b’4 presepji fil-kompetizzjoni ta’ din is-sena, tħossha kburija li tirrapreżenta n-nisa f’din l-arti kreattiva. Hija tisħaq li dawn huma tradizzjonijiet li wieħed għandu jżomm ħajja filwaqt li jgħinuna ngħixu Milied aktar reliġjuż għalina l-insara li nemmnu fit-twelid ta’ Ġesù Bambin.

Il-Presepju ta’ Catherine D’Amato qed ikun esebit fis-Sede ta’ Soċjetà Filarmonika Lourdes fil- Qrendi u jibqa’ miftuħ sas-6 ta’ Jannar 2019.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend