“Qarabagħli” – Kif sitt atturi se jwasslu t-talent tagħhom fuq il-kompjuter tiegħek – One News

Notifiki

“Qarabagħli” – Kif sitt atturi se jwasslu t-talent tagħhom fuq il-kompjuter tiegħek

Il-kelma qarabagħli fid-dawl tal-web-series li jġib l-isem ta’ “Qarabagħli” tirreferi għal grupp ta’ sitt iħbieb li ħadu dan il-laqam minn wieħed mill-membri tal-grupp magħruf bħala ‘Johnny il-Qarabagħl’.

Il-mewt ta’ Johnny il-Qarabagħl tifred lill-grupp. Sentejn wara l-erba’ karattri li fadal fil-grupp- Matthew, Jason, Tyrone u Bjorn – jerġgħu jiltaqgħu. Tul l-istorja Matthew jipprova jieħu l-kontroll tal-grupp filwaqt li jgħir għall-fatt li Johnny kien kapaċi jżomm il-grupp magħqud u hu qiegħed isibha diffiċli biex jagħmel dan. Lest jagħmel minn kollox…litteralment, biex jieħu l-kontroll tal-grupp u jkun maħbub minn sħabu. “Qarabagħli” jikkonsisti f’xalata ta’ umoriżmu fl-attentati li Matthew jagħmel sabiex jipprova jikkontrolla lil sħabu. Isib minn kollox ma’ wiċċu iżda qatt ma jaqta’ qalbu. X’jasal jagħmel? U x’inhuma l-istejjer wara Jason, Tyrone u Bjorn?

Aħna l-produtturi: Karl Schembri, Christian Grech, Julian Galea, Alan Attard, Kurt Pawley u Clayton Mallia ħriġna bl-ideà li nagħmlu webseries u qbilna li ridna nagħmlu xi ħaġa umoristika. Dan għaliex nemmnu li s-suq għandu bżonn ta’ stejjer umoristiċi li juru l-ħajja minn lenti differenti. Is-sitwazzjonijiet fl-istorja huma pjuttost serji iżda l-isfida kienet kif dawk is-sitwazzjonijiet serji jistgħu jiġu interpretati b’mod umoristiku. Nemmnu li jekk tħaffer fil-fond l-umoriżmu tista’ ssibu f’kollox.

Sabiex jinħoloq skritt intriganti u fl-istess ħin sempliċi kemm jista’ jkun, ħadna ż-żmien. Għażilna YouTube għaliex nemmnu li huwa pjattaforma li jħallilna ċerta libertà fil-mod ta’ kif aħna nwasslu l-istorja, kif ukoll, għaliex huwa spazju innovattiv. Il-budget ta’ dan il-proġett kien baxx u peress li għajnuna ma kienx hemm minn persuni esterni, il-flus inħarġu kollha minn dan il-grupp, mingħajr ebda dispjaċir.

“Qarabagħli” huwa storja oriġinali tagħna il-produtturi bil-kitba, direzzjoni u muntaġġ ta’ Karl Schembri. Fil-partijiet ewlenin insibu lil Christian Grech, Julian Galea, Clayton Mallia u Kurt Pawley. Fost l-atturi l-oħra insibu lil Alan Attard, Karl Schembri, James Sultana, Peter Galea, Anthony Ellul, Carlos Farrugia, Claudia Diacono, Rene Barun, Raisa Borg, Maria Farrugia, Charles Falzon, Rita Camilleri, Roberta Briffa, Ryan Galea, Lenies Gauci u Andrè Mangion.

Nistiednu lill-pubbliku jsegwi “Qarabagħli”- storja mifruxa fuq tmien episodji, b’episodju ġdid kull nhar ta’ Tnejn, minn nhar it-Tnejn, 7 ta’ Jannar, 2019 fuq il-Youtube channel ta’ “Qarabagħli” kif ukoll jagħmel like fuq il-page – ‘Qarabagħli – Web Series’ : ‘https://www.facebook.com/qarabaghliwebseries/’ u subscribe fuq il-YouTube channel ta’ ‘Qarabagħli’ ‘https://www.youtube.com/channel/UCy3BteHirH_pYcFxuSOogDg’.



Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend